L-aħbar li l-kapitali Għawdxija, il-belt Victoria, se tkun il-Kapitali Ewropea tal-Kultura għall-2031 mhix biss hi mument importanti u storiku għal din il-belt imma għal Għawdex u l-poplu Malti kollu. Wara l-Belt Valletta, il-Belt Victoria se tkun it-tieni belt Maltija li ġiet ippremjata b’dan it-titlu prestiġjuż.
Aħna konvinti li bħalma għamlet il-belt Valletta fl-2018 meta ħarġet bl-unuri fit-twettiq ta’ dan l-avveniment kulturali, hekk ukoll se tagħmel il-belt Victoria ftit iktar minn erba’ snin oħra.
Permezz tal-programm kulturali tagħha, il-belt Victoria għandha l-għan li sservi ta’ pjattaforma Ewropea għall-kokreazzjoni kulturali, biex titqajjem kuxjenza ekoloġika, kif ukoll trawwem l-innovazzjoni tal-gżejjer żgħar.
Il-Victoria2031 m’għandhiex titqies biss u sempliċiment bħala sensiela ta’ attivitajiet kulturali li jilħqu l-qofol tagħhom fl-2031. Imma, is-suċċess veru se jitkejjel mil-legat li se tħalli wara.
Wieħed jista’ japprezza x’sar meta l-Belt Valletta kellha dan it-titlu. Dakinhar, minbarra l-attivitajiet li saru, tħalla impatt sinifikanti li kompla jagħmel din il-belt aktar vibranti u mimlija attività. Il-legat li ssokta anke bit-twaqqif tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta li kompliet issostni u ssaħħaħ l-aspetti kulturali kollha fil-Kapitali tagħna.
L-għażla biex il-Belt Victoria tkun il-Kapitali Ewropea tal-Kultura għas-sena 2031 hija ġrajja sinfikanti ħafna għal pajjiżna. Għawdex, bħal Malta, għandu l-identità, l-istorja u l-karatteristiċi tiegħu.
Għalhekk din se tkun mhux biss sfida imma okkażjoni oħra sabiex ikompli l-investiment fl-artisti tagħna, tissaħħaħ l-infrastruttura kulturali filwaqt li jinħolqu opportunitajiet ġodda għal kif nistgħu nkomplu nesponi l-wirt kulturali u storiku tal-Gżejjer Maltin.
Imma biex il-belt Victoria u Għawdex waslu biex jirbħu dan it-titlu, kif ġie nnutat mill-Prim Ministru Robert Abela, kien hemm bżonn snin ta’ ħidma ma taqta’ xejn li wasslet biex il-gżira tal-villaġġi ssir pjattaforma Ewropea li bħala komunità reġjonali tiċċelebra d-diversità u timbotta ’l quddiem il-wirt tradizzjonali tagħna li jiddistigwina minn ġnus oħra.
Fl-annali tal-istorja dinjija, jingħad li r-reġjun tal-Mediterran huwa l-benniena taċ-ċiviltà, għalhekk nemmnu li bħala gżira tikka f’nofs din il-benniena taċ-ċiviltà, il-belt Victoria u Għawdex se jkomplu jkunu ta’ ġieħ lil pajjiżna mhux biss fl-Ewropa imma anki lil hinn.
