Jinżamm arrestat wara li ġie mixli li ħebb għall-Pulizija

Aqra wkoll

Raġel ta’ 28 sena baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv wara li tressaq fil-Qorti fejn ġie mixli li ħebb għall-Pulizija f’Birkirkara. 

Julian Lee Ritchie kien mixli li hedded u rreżista lill-pulizija, li kkaġuna ġrieħi ħfief fuq Spettur u Kuntistabbli, li naqas milli jobdi l-ordnijiet tal-pulizija u li kiser il-paċi pubblika fost oħrajn.

Huwa kien mixli li naqas milli jagħti d-dettalji tiegħu lill-uffiċjali tal-pulizija, li kiser il-paċi pubblika, li għamel ħsara f’vettura tal-għamla Toyota, li kellu fil-pussess tiegħu pepper spray u għex ħajja t’għażż u vagabondaġġ. 

Fil-Qorti nstema’ kif il-Pulizija kienu ġew infurmati li fi Triq l-Akwedott kien hemm raġel mitluf minn sensih. Sussegwentement issejħet ambulanza fuq il-post. 

Xi infermiera kienu diġà qed jassistu lir-raġel meta waslu uffiċjali oħra tal-pulizija. Hekk kif resqu lejh, l-imputat allegatament qam u telaq jiġri. Il-pulizija ordnawlu biex jieqaf, iżda huwa allegatament baqa’ jiġri sakemm laħquh u arrestawh.

Il-Prosekuzzjoni qalet li Ritchie allegatament ma kkoperax waqt l-arrest, b’uffiċjali tal-pulizija jsofru ġrieħi ħfief. Waqt tfittxija li saret fuqu, instab pepper spray fil-pussess tiegħu.

Ritchie wieġeb mhux ħati għall-akkużi, filwaqt li l-validità tal-arrest tiegħu ma ġietx ikkontestata mid-difiża.

Waqt is-sottomissjonijiet dwar il-ħelsien mill-arrest, il-Qorti semgħet li Ritchie jinsab bla xogħol u bħalissa qed jitħalla joqgħod fi proprjetà bil-kunsens tas-sid.

Id-difiża argumentat li huwa għandu indirizz fiss u rabtiet mal-komunità, filwaqt li qalet li huwa lest li jitqiegħed taħt superviżjoni u jimxi mal-kundizzjonijiet imposti mill-Qorti.

Il-prosekuzzjoni qajmet tħassib dwar it-talba għall-ħelsien mill-arrest, u staqsiet jekk Ritchie kienx se jkun kapaċi jifhem u jimxi mal-kundizzjonijiet imposti mill-Qorti. Għamlet referenza wkoll għal problemi mediċi u problemi biex jikkontrolla r-rabja, filwaqt li qalet li għalkemm il-ħelsien tiegħu seta’ jiġi kkunsidrat taħt kundizzjonijiet stretti, kien hemm tħassib dwar jekk fil-fatt kienx se jimxi magħhom.

il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Astrid May Grima ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat u dan minħabba l-karattru refrattarju tiegħu kif ukoll in-natura tal-akkużi, u li l-Qorti m’għandhiex garanzija li l-imputat se jobdi l-ordnijiet mogħtija lilu. 

Il-Qorti rrakkomandat lid-Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin sabiex l-imputat jingħata l-għajnuna kollha neċessarja, inkluż dik medika u psikoloġika. 

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Clayton Abela filwaqt li għall-imputat dehru l-Avukati Franco Debono, Eman Scicluna u Matthew Xuereb dehru għall-imputat.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport