Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard fisser kif din hija mozzjoni kontra l-estremiżmu u favur il-poplu, li ħaqqha kull appoġġ għaliex qed issir f’mument fejn f’pajjiżna, l-istituzzjonijiet kollha qed jaffaċċjaw attakki bla preċedent. Huwa saħaq li l-aħħar minn sensiela ta’ attakki kien dak fil-konfront ta’ żewġ membri tal-ġudikatura.
Huwa tenna li “mhux se nittolleraw aktar attakki kontra d-dinjità u l-integrità ta’ din l-ogħla istituzzjoni u l-istituzzjonijiet kollha li jsawru l-prinċipju tad-demokrazija li tirrappreżentana. M’għandniex inħallu attakki kontinwi fuq l-istituzzjonijiet u anke l-uffiċjali pubbliċi f’dan il-pajjiż jibqgħu għaddejjin qishom xejn mhux xejn.”
Il-Ministru Attard temm jenfasizza li rridu nibagħtu messaġġ ċar kontra n-nuqqas ta’ rispett u kontra l-intimidazzjoni. “Ejja nibagħtu messaġġ kontra dawk illi f’wiċċ l-inġustizzji jinfaqgħu jidħku. Ejja nibagħtu messaġġ b’saħħtu li se nibqgħu sodi fir-riżoluzzjoni tagħna li nħarsu s-saltna tad-dritt u l-valuri li jsostnu s-soċjetà tagħna.”