Il-ġimgħa d-dieħla se jingħata bidu għax-xogħlijiet tar-riġenerazzjoni tal-pjazza ta’ Buġibba u l-prominad tagħha. B’kollaborazzjoni mal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, Infrastructure Malta se jittrasformaw din iż-żona popolari fi spazju modern u iktar attraenti.
Dan tħabbar minn Infrastructure Malta permezz ta’ messaġġ fuq Facebook, fejn spjegat li matul il-fażi inizjali, ix-xogħlijiet se jiffukaw fuq it-titjib tas-servizzi ta’ taħt l-art, tad-drenaġġ u tal-ilma tal-pjazza mat-toroq tal-madwar.
Ġie spjegat li waqt l-ewwel xogħlijiet, parti mill-korsija ta’ Triq Dawret il-Gżejjer se tkun ristretta peress li ż-żona tax-xogħlijiet se testendi fil-parkeġġ attwali tat-triq.