Minn Cristian Muscat
L-atletika Maltija qed tkompli tattira interess minn barra minn xtutna hekk kif l-isprinter Griega, Polyniki Emmanouilidou, waslet Malta biex tibda esperjenza ġdida ta’ taħriġ taħt il-gwida tal-coach Malti, Steve Camilleri.
Emmanouilidou, ta’ 23 sena, hija waħda mill-aktar sprinters Griegi prominenti tal-ġenerazzjoni tagħha u għandha esperjenza f’kompetizzjonijiet internazzjonali tal-ogħla livell. Hija kkompetiet fil-100 u l-200 metru f’diversi Kampjonati Ewropej u Mondjali, kif ukoll fil-Logħob Olimpiku ta’ Pariġi.
Fost ir-riżultati tagħha nsibu midalji fil-Kampjonati Ewropej ta’ taħt it-23 sena, titli fil-Kampjonati Balkani u tliet midalji fil-Logħob tal-Mediterran tal-2026. Fil-100 metru għandha l-aħjar ħin personali ta’ 11.21 sekondi.
Issa Emmanouilidou se tkun qed taħdem ma’ Camilleri fi grupp li jinkludi wkoll atleti Maltin fosthom Claire Azzopardi u Graham Pellegrini, żewġ atleti li kisbu suċċessi fuq livell nazzjonali.
F’intervista ma’ dan is-sit, Emmanouilidou qalet li tinsab entużjasta dwar din l-esperjenza ġdida f’Malta u dwar il-possibbiltà li taħdem ma’ Camilleri.
“Qed inħares ’il quddiem għal din l-esperjenza. It-temp hawnhekk huwa tajjeb ħafna għat-taħriġ u ninsab eċitata li qed nibda dan il-perjodu,” qalet l-atleta Griega.
Hija faħħret ukoll il-metodi u l-gwida tal-coach Malti.
“Coach Steve jagħtini pariri tajbin ħafna. Huwa coach tajjeb u diġà għeni ħafna. Għandna komunikazzjoni tajba ħafna u għal atleta huwa importanti ħafna li jkun hemm din ir-relazzjoni mal-coach.”

Emmanouilidou sostniet li anke l-ambjent tal-grupp ta’ taħriġ qed jgħinha tidħol malajr fir-rutina l-ġdida tagħha.
“Il-grupp huwa tajjeb ħafna u dan jgħinek fit-taħriġ. Trid tisma’ mill-coach tiegħek, tkun paċenzjuż u temmen fik innifsek.”
Minkejja li għadha żagħżugħa, Emmanouilidou diġà għandha esperjenza konsiderevoli fix-xena internazzjonali.
Meta mistoqsija dwar l-aktar unuri importanti fil-karriera tagħha, hija semmiet is-suċċessi fil-kampjonati nazzjonali Griegi, il-midalji Ewropej u l-esperjenza tagħha fil-Logħob Olimpiku.
“Jien champion nazzjonali, irbaħt midalja Ewropea u kkompetejt fil-Logħob Olimpiku. Dawn huma esperjenzi importanti ħafna għalija bħala atleta.”
Iżda l-wasla tagħha Malta mhijiex biss esperjenza ġdida. Hija parti minn proċess li permezz tiegħu trid tkompli ttejjeb il-prestazzjonijiet tagħha u tasal għal livell saħansitra ogħla.
“L-għan tiegħi huwa li nkompli ntejjeb ir-riżultati tiegħi. Kull sena rrid nipprova nkun f’livell ogħla. Ovvjament inħares ukoll lejn il-Logħob Olimpiku li jmiss.”
Meta mistoqsija fejn tixtieq tara lilha nnifisha fi żmien ħames snin, ir-risposta tagħha kienet ċara.
“Irrid inkun atleta aħjar, intejjeb il-ħinijiet tiegħi u nikseb aktar suċċessi internazzjonali. Dejjem hemm xi ħaġa x’titgħallem u x’ittejjeb.”
Il-messaġġ tagħha lill-atleti żgħażagħ kien wieħed ibbażat fuq ix-xogħol, il-fiduċja u l-paċenzja.
“Aħdmu ħafna, emmnu fikom infuskom u gawdu dak li qed tagħmlu. Isimgħu mill-coach tagħkom. Is-suċċess ma jiġix mill-ewwel – trid tkun paċenzjuż.”
Min-naħa l-oħra, għal Steve Camilleri, il-wasla ta’ Emmanouilidou tirrappreżenta pass importanti ieħor fil-karriera tiegħu bħala coach.
Huwa spjega ma’ dan is-sit li l-kuntatt mal-atleta Griega sar permezz ta’ persuna li kienet taf kemm lilu kif ukoll lil Emmanouilidou.
“Kellna persuna li taf lili u lilha wkoll u minn hemm beda l-kuntatt. Kien hemm perjodu fejn minħabba operazzjoni partikolari ma rnexxilniex naslu biex nibdew naħdmu flimkien, iżda f’Settembru esprimiet ix-xewqa li tibda u minn hemm komplejna mexjin.”
Camilleri ma jridx jgħaġġel biex jistabbilixxi pubblikament miri speċifiċi għall-atleta tiegħu, iżda għandu pjan ċar għall-iżvilupp tagħha.
“Għandna l-aspirazzjonijiet tagħna u għandna objettivi, iżda għalissa nippreferi li ma ngħidx eżatt x’inhuma. Irridu nibdew naħdmu u naraw pass pass fejn nistgħu naslu.”
Il-coach Malti fakkar li quddiemhom hemm ċiklu importanti, b’diversi kompetizzjonijiet internazzjonali u, fuq medda itwal, il-Logħob Olimpiku li jmiss.
“Għandna atleta li diġà kienet champion nazzjonali tal-Greċja u li għandha esperjenza fil-Logħob Olimpiku. Issa għandna tliet snin oħra sal-Olimpjadi li jmiss u matul dan il-perjodu hemm ukoll il-Kampjonati Dinjija u kompetizzjonijiet oħra importanti.”
Għal Camilleri, iżda, il-fatt li atleta ta’ dan il-livell għażlet li tiġi Malta biex taħdem miegħu huwa fih innifsu sors ta’ sodisfazzjon.
“Huwa unur u ninsab eċitat ħafna. Li f’pajjiżna jkollna atleta ta’ dan il-livell tiġi titħarreġ magħna huwa importanti. Għalija bħala coach hija wkoll opportunità biex inkompli nitgħallem.”
Camilleri jemmen li l-preżenza ta’ Emmanouilidou tista’ tkun ta’ benefiċċju wkoll għall-atleti Maltin li jitħarrġu fl-istess grupp.
“Meta jkollok atleta internazzjonali ta’ dan il-livell fil-grupp, l-atleti l-oħra jaraw mill-qrib kif taħdem, kif tipprepara u x’hemm bżonn biex tasal f’ċertu livell. Fl-istess ħin, hi wkoll tista’ titgħallem mill-ambjent tagħna.”
Emmanouilidou hija l-ewwel atleta internazzjonali barranija li ngħaqdet mal-grupp ta’ Camilleri fuq din il-bażi, iżda jidher li mhux se tkun l-aħħar. Il-coach Malti żvela li diġà għandu konferma mingħand atleta oħra li mistennija tingħaqad mal-grupp għal perjodu iqsar.
“Din nittama li tkun l-ewwel minn ħafna oħrajn. Diġà għandi konferma ta’ atleta oħra, champion nazzjonali u atleta li ħadet sehem fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar, li se tiġi għal żmien qasir.”
Għal Emmanouilidou, issa jibda kapitlu ġdid f’Malta; għal Camilleri, opportunità ġdida biex jaħdem ma’ atleta b’esperjenza fl-ogħla livelli. Għat-tnejn, iżda, il-prinċipju jibqa’ l-istess: xogħol, paċenzja u ambizzjoni biex ikomplu javvanzaw fix-xena internazzjonali.




