Thursday, October 15, 2026
Home Sport L-Ispirtu ta’ Malta – champions, sfidanti u ġenerazzjoni ġdida

L-Ispirtu ta’ Malta – champions, sfidanti u ġenerazzjoni ġdida

0
40
default

B’madwar 80 baħħar Malti jikkompetu fis-47 edizzjoni tar-Rolex Middle Sea Race, il-flotta lokali tlaqqa’ flimkien rebbieħa preċedenti tal-klassifika ġenerali, sfidanti ambizzjużi u ġenerazzjonijiet ta’ tradizzjoni fit-tbaħħir f’waħda mill-akbar tiġrijiet offshore fid-dinja.

Meta jisparaw il-kanuni fil-Port il-Kbir  nhar is-Sibt 17 ta’ Ottubru, il-baħħara Maltin se jkunu fost il-flotta ta’ 108 jottijiet li jitilqu għar-Rolex Middle Sea Race fuq distanza ta’ 606 mil nawtiku. Ħdax-il jott jiffurmaw il-kontinġent Malti rreġistrat uffiċjalment, filwaqt li diversi baħħara lokali oħrajn se jikkompetu abbord jottijiet internazzjonali flimkien ma’ membri tal-ekwipaġġ minn aktar minn 50 pajjiż.

Il-baħħara Maltin ilhom iduqu s-suċċess minn mindu saret l-ewwel edizzjoni fl-1968, u r-Rolex Middle Sea Race saret parti integrali mill-wirt sportiv ta’ Malta. Madankollu, l-ambizzjonijiet tal-parteċipanti ta’ din is-sena jmorru ferm lil hinn miċ-ċelebrazzjoni ta’ din l-istorja. Fost il-jottijiet Maltin hemm diversi rebbieħa tal-klassifika ġenerali, l-aqwa jott Malti tas-sena li għaddiet skont il-ħin ikkoreġut, baħħara ta’ esperjenza b’jottijiet ġodda u żgħażagħ determinati li jwettqu l-ħolm tagħhom minn tfulithom.

Champions Maltin jimmiraw għal rebħa oħra

L-ekwipaġġ ta’ Vivace, immexxi minn Andrew Agius Delicata u Matthew Gabriele, jirritorna b’għan ċar: li jiddefendi l-Arthur Podesta Trophy, mogħti lill-ewwel jott Malti fil-klassifika skont il-ħin ikkoreġut tal-IRC. Ir-rebħa tal-2025 kienet frott tħejjija kontinwa, u t-tim tar-Reflex 38 għadu qed jirfina l-jott għal kampanja kompetittiva oħra.

Il-kompetizzjoni, bħal dejjem, se tkun qawwija, mhux l-inqas minn żewġ timijiet Maltin li fil-passat laħqu l-ogħla suċċess billi rebħu r-Rolex Middle Sea Race Trophy.

Lee Satariano, li rebaħ il-klassifika ġenerali darbtejn, se jikkompeti bil-HH42 tiegħu Artie III, flimkien ma’ Christian Ripard, rebbieħ tal-klassifika ġenerali erba’ darbiet, li se jieħu sehem għas-36 darba, li hu rekord personali. Ripard u Satariano rebħu l-klassifika ġenerali flimkien, u t-tim ikompli janalizza kull edizzjoni biex jidentifika fejn jista’ jtejjeb il-prestazzjoni tiegħu.

“Jekk ma titgħallem xejn kull darba li toħroġ tbaħħar, kemm jekk f’tiġrija kif ukoll jekk le, ikun hemm xi ħaġa ħażina,” jgħid Ripard, filwaqt li jirrikonoxxi l-isfidi straordinarji ta’ rotta fejn ir-riħ li jinbidel u d-deċiżjonijiet tattiċi jistgħu jbiddlu l-klassifika. “Kull 50 jew 60 mil fir-Rolex Middle Sea Race ddur kantuniera u ssib kundizzjonijiet differenti,” jispjega. “Ma hemm ebda mistrieħ. Ma tistax sempliċement toqgħod bilqiegħda fuq il-ġenb tal-jott; daqskemm tista’ jkollok bżonn ittella’ l-akbar spinnaker tiegħek, tista’ wkoll ikollok bżonn il-qlugħ tal-maltemp.”

Sfidant Malti ieħor b’saħħtu huwa Elusive 2, li jitbaħħar mill-aħwa Maya, Aaron u Christoph Podesta, li kisbu rebħiet konsekuttivi fil-klassifika ġenerali fl-2019 u fl-2020. Is-suċċess tagħhom inbena fuq snin ta’ taħriġ kontinwu, ħidma mill-qrib bħala tim u preparazzjoni ddettaljata. Maya tirrakkonta kif il-familja tejbet kemm il-jott kif ukoll il-prestazzjoni tagħha fit-tbaħħir offshore, u tgħallmet kif tikseb l-aħjar riżultati f’kundizzjonijiet tat-temp li jvarjaw ħafna. Għall-2026, it-tim jirritorna b’parti kbira mill-ekwipaġġ stabbilit tiegħu.

Il-kisbiet tal-familja Podesta huma marbuta mill-qrib mal-istorja tal-familja tagħhom. Missierhom Arthur ħa sehem f’35 edizzjoni, ibda mill-ewwel tiġrija fl-1968, li rebaħ bħala membru tal-ekwipaġġ ta’ Josian, u introduċa lil uliedu għat-tbaħħir minn età żgħira.

“Meta nħares lura, naħseb li missieri dejjem kellu f’moħħu l-viżjoni li jżommna magħqudin,” tgħid Maya Podesta. “Huwa poġġa s-sisien biex inkunu nistgħu nbaħħru flimkien, u dan ifisser li għandna ħafna affarijiet komuni. Iżommna f’kuntatt, iġiegħlna naħdmu flimkien u jżommna magħqudin.”

L-edizzjoni tal-2026 għandha sinifikat partikolari għall-familja Ripard wara l-mewt, matul dan is-sajf, ta’ John Ripard Sr, wieħed mill-fundaturi tat-tiġrija u l-iskipper rebbieħ tal-ewwel edizzjoni. Ħamsa min-neputijiet tiegħu – Sebastian u Thomas Ripard, Daniel u Marc Calascione, u Luke Scicluna – se jikkompetu flimkien abbord il-Farr 30 Calypso, ma’ Saul Vassallo u Kris Borg Nicholas.

B’tul ta’ 9.44 metri, Calypso huwa l-iżgħar jott b’buq wieħed fil-flotta. L-ekwipaġġ tiegħu għandu quddiemu sfida partikolarment impenjattiva, iżda din hija tiġrija b’rabta familjari profonda.

“Din se tkun sena speċjali għalina,” jgħid Sebastian Ripard, li hu stess kien membru ta’ ekwipaġġ rebbieħ f’aktar minn okkażjoni waħda. “Din is-sena t-tiġrija hija marbuta ħafna mal-memorja kollettiva tan-nannu tagħna.”

Esperjenza u Ambizzjonijiet Ġodda

Jonathan Gambin jirritorna abbord id-Dufour 44 Ton Ton Laferla għad-19-il Rolex Middle Sea Race konsekuttiva tiegħu, wara li rebaħ il-klassi IRC tiegħu fl-2025.

“Tista’ tipprepara sew, tbaħħar tajjeb u tieħu deċiżjonijiet tajbin, iżda fl-aħħar mill-aħħar it-temp – u ftit xorti – xorta se jkollhom l-aħħar kelma,” jgħid.

Għal kompetituri Maltin oħra, l-2026 iġġib magħha l-eċċitament li jikkompetu b’jottijiet differenti. Kevin Pisani Zammit akkwista l-Farr 36 Amuni, wara l-kampanja preċedenti tiegħu abbord Dimm. Il-jott, mixtri ftit xhur biss qabel it-tiġrija, kien jeħtieġ tħejjija intensiva minn taħlita ta’ membri regolari tal-ekwipaġġ u baħħara ta’ esperjenza li huma ġodda għal dan it-tim.

“Huwa jott tat-tradizzjoni antika, iżda aħna nħobbu l-jottijiet bħal dawn,” jgħid Pisani Zammit. “Għandu jkun ftit aktar veloċi.”

Luis Azzopardi jirritorna għat-tielet parteċipazzjoni tiegħu, din id-darba b’ekwipaġġ kollu Malti abbord Kixx Me, li se jkun qed jieħu sehem fir-Rolex Middle Sea Race għall-ewwel darba. Stefan Debattista qed iħejji għad-19-il tiġrija tiegħu u għat-tielet waħda bħala skipper ta’ Geisha MeDirect. Wara titjib fl-istrumenti tal-jott, it-tim qed jagħti aktar attenzjoni lit-tbaħħir tekniku, lill-kalibrazzjoni u lid-data dwar il-prestazzjoni.

Sadanittant, Gozo Dream ta’ Noel Grech jilqa’ lil Melanie Handschin bħala l-ewwel mara fl-ekwipaġġ tiegħu, u b’hekk iżid dimensjoni ġdida mat-tellieqa tal-ewkipaġġ magħruf Għawdxi.

L-Ispirtu Dilettantistiku fil-Qalba tat-Tiġrija

Il-Viċi Kummudur tar-Royal Malta Yacht Club, Mario Debono, jirritorna b’Seven, Grand Soleil 46 li ħa post Janissah, il-jott li servieh għal ħafna snin. L-ekwipaġġ internazzjonali tiegħu jirrappreżenta l-ispirtu Korinzju tad-dilettanti li dejjem kien fil-qalba tat-tiġrija.

“Mhux bilfors ikollok bżonn kampanja ta’ miljun ewro,” jgħid Debono. “Baħħar 606 mili madwar Sqallija ma’ sħabek, affaċċja dak kollu li t-tiġrija tpoġġilek quddiemek, imbagħad aqbeż il-linja tat-tmiem lura Malta u għidli li ma tħossokx bħallikieku rbaħt xi ħaġa.”

Għal Debono u għal ħafna kompetituri oħra, li jtemmu r-Rolex Middle Sea Race hija kisba fiha nnifisha, irrispettivament mir-riżultat.

JYS Jan – Il-Ġenerazzjoni li Jmiss

Fost il-parteċipazzjonijiet Maltin li l-aktar jispiraw hemm il-J/109 JYS Jan tal-Jarhead Young Sailors Foundation, li jagħti lil baħħara żgħażagħ l-opportunità jaffaċċjaw waħda mill-akbar sfidi tat-tbaħħir offshore.

Gary Mercieca se jkun l-iskipper tal-jott fil-ħames Rolex Middle Sea Race tiegħu, filwaqt li Jake Mallia, membru tal-ekwipaġġ b’esperjenza, se jieħu sehem għar-raba’ darba. Din se tkun it-tielet tiġrija tagħhom flimkien. It-tnejn bdew permezz tal-programm JYS, u din is-sena qed jintroduċu grupp ġdid ta’ baħħara iżgħar fl-età għal din l-esperjenza.

“Ninsab tassew ħerqan għar-Rolex Middle Sea Race ta’ din is-sena, bħalma nkun kull sena,” jgħid Mercieca. “Din is-sena għandna tim ġdid ta’ baħħara żgħażagħ, bl-iżgħar wieħed għandu 15-il sena. Minkejja l-età żgħira, l-ekwipaġġ tagħna jagħmel tajjeb għall-medja baxxa tal-età billi jqatta’ ħafna ħin flimkien fuq il-baħar, jikseb l-esperjenza qabel ma jaffaċċja din it-tiġrija impenjattiva.”

Il-Fondazzjoni tagħti importanza partikolari lit-tħejjija, lis-sigurtà, lill-ħiliet fit-tbaħħir u lill-ħidma f’tim, filwaqt li t-tiġrija toffri prova impenjattiva tal-ħiliet miksuba permezz ta’ taħriġ estensiv. It-tim ġie rikonoxxut bit-Trofew tal-Ambaxxatur Taljan għall-Ispirtu Sportiv fl-2024.

Filwaqt li r-riżultati huma importanti, l-ambizzjoni ewlenija hija li l-baħħara żgħażagħ Maltin jingħataw il-kunfidenza u l-esperjenza biex jibnu futur fit-tbaħħir offshore.

Xi Tfisser Tiġrija f’Pajjiżek

Minn champions tal-passat li qed ifittxu rebħa oħra sa parteċipanti ġodda li se jaffaċċjaw it-tiġrija għall-ewwel darba, il-kontinġent Malti jirrifletti l-varjetà notevoli tat-tbaħħir offshore lokali. It-tluq mill-Port il-Kbir joffri spettaklu u atmosfera li l-ekwipaġġi Maltin jaqsmu mal-flotta internazzjonali, iżda r-ritorn lejn Malta għandu tifsira partikolarment qawwija għall-ekwipaġġi lokali.

Anke wara li temm 35 edizzjoni, Christian Ripard jiddeskrivi dan is-sentiment b’mod sempliċi.

“Tħoss ċertu sens ta’ kburija – li tkun għamilt it-tiġrija u qed tasal lura f’pajjiżek, bil-familja u l-ħbieb kollha jarawk,” jgħid. “Id-dar tibqa’ dejjem id-dar.”

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here