Friday, May 9, 2025

Din kienet ir-raba’ MBC tiegħi u l-iktar waħda li eċċellajt u kont konsistenti fiha … ferħana mmens b’dak li akkwistajt – Cynthia Duca

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-bowling?

Minn dejjem kont persuna sportiva, u meta kont iżgħar pruvajt ħafna dixxiplini ta’ sport differenti.  Meta konna żgħar jien u oħti konna mmoru Skola Sport u oħti riedet tipprova l-bowling u jien mort magħha. Għamilt ftit snin nittrenja darba fil-ġimgħa u mbagħad waqaft. Peró, kont inhoss xi ħaga nieqsa, anke waqt li kont qed nipprattika sport ieħor, u fl-2013 erġajt bdejt, u minn dak iż-żmien ‘l hemm bdejt nittrenja b’mod iktar regolari u dħalt fil-bowling b’ħafna iktar dedikazzjoni.

X’tikkummenta fuq l-aħħar suċċess li ksibt fit-Turkija?
Mort għal dan it-tornew mingħajr ħafna aspettattivi, apparti li nagħti l-aħjar li nista’, u nżilt b’erba’ midalji, tnejn deheb, wahba fiddau oħra bronż.  L-ewwel midalja kienet ma’ Sue Abela fid-doubles event fejn ġejna fil-quċċata wara li għelibna lit-Turkija, Franza, l-Italja u pajjiżi oħra. 

It-tieni midalja tad-deheb kienet fit-Team events. Bdejna l-ewwel tliet logħbiet naqra bil-mod u lura minn timijiet oħra, u mir-raba’ logħba ‘l quddiem, dejjem naqqasna d-distakk sakemm ġejna l-ewwel b’distakk ta’ iktar minn mitejn pin. 

It-tielet midalja kienet il-bronż, din id-darba tal- “All Events” fejn ifisser li bejn l-‘events’ kollha, kont it-tielet l-aħjar plejer mill-plejers l-oħra kollha.

U l-aħħar midalja, l-iktar waħda prestiġjuża għax hija midalja tal-EBF – European Bowling Federation, fejn kienet għad-dixxiplina tal-Masters event.  Hawnekk kelli negħleb plejers kbar bħal ta’ Franza u l-Italja. L-ikbar diżappunt hu li tlift id-deheb għal tliet pins biss. Peró, fidda f’din id-dixxiplina u kontra pajjiżi ferm ikbar minna huwa ta’ unur xorta. 

Din kienet ir-raba’ MBC tiegħi u l-iktar waħda li eċċellajt u kont konsistenti fiha, u għalhekk ninsab ferħana mmens b’dak li akkwistajt.

X’suċċessi maġġuri oħra ksibt fil-karriera tiegħek sa issa f’dan l-isport li tant tħobb?

S’issa l-ikbar suċċess tiegħi jibqa’ dak tal-2019, meta sirt l-unika plejer mara li s;issa rebħet Open Mixed tournament fejn imorru għalih ħafna plejers minn pajjiżi differenti  u spiċċajt irbaħt dan it-tournament.

Suċċessi oħra huma fl-2019 meta ġejt it-tielet post fil-Malta Open Championship u fl-għaxar post fir- Romanian Open ġewwa Bucharest. 

Fl-2020 ġejt it-tieni fil-Balkan Challange mat-‘teammate’ tiegħi Mariana ġewwa l-Bulgarija, kif ukoll it-tielet post fit-team event. 

Matul is-snin li għaddew dejjem ġibt midalji f’kull edizzjoni tal-Mediteranean Championships. 

Kif tqis il-livell tal-bowling f’pajjiżna fil-preżent?

Għall-pajjiz żgħir li għandna u b’ħafna restrizzjonijiet biex nitħarrġu, naħseb li għandna potenzjal, kemm il-plejers iż-żgħar kif ukoll l-Elites, dejjem bil-limitazzjonijiet li għandna. Speċjalment il-youths subien li telgħin b’saħħithom ħafna u għadhom kemm rebħu l-midalji ġewwa Samsun fit-Turkija. 

U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?

Sfortunatament fejn nitħarrgu, post tal-istat m’għandniex. Nitħarrġu ġewwa ‘The Eden’ li huwa post li jaqa’ fis-settur privat, u għalhekk ikollna naqra restrizzjonijiet fuq kif u kemm nistgħu nitħarrġu. Peró, dejjem intlaħaq ċertu kompromess sabiex jgħinuna kif jistgħu. Ikun ferm aħjar kieku jista’ jkollna post għal min jitħarreġ fl-isport, mhux jilgħab biss għal pjaċir, bħalma għandhom sports oħrajn.  Peró, hemm bżonn ta’ sit pjuttost kbir, kif ukoll ħafna finanzi sabiex dan iseħħ.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek f’dan l-isport?

Il-bowling huwa sport għal qalbi ħafna, inkompli nitħarreġ kemm nista’ sabiex dejjem insaħħaħ ix-shot tiegħi u nkun nista’ namel l-almu tiegħi kollu f’iktar tournaments.

Issa se jkollna l-Malta Open u wara f’Lulju għandna l-Kampjonati Nazzjonali, u wara nixtieq li mmur nikkompeti f’xi Open Tournaments ġewwa l-Bulgarija u forsi l-Greċja u r-Rumanija.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jipprattika l-bowling.

Il-bowling bħal kull sport ieħor, isaħħek mentalment u fiżikament. Huwa sport sabiħ ħafna, b’ħafna dimensjonijiet, mhux la kemm qbadt u tfajt ballun, peró fih ħafna x’titgħallem. Għandna bżonn ħafna iktar tfal u żgħażagħ jibdew jipprattikaw dan l-isport, ħalli l-isport tagħna jkompli jikber. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport