Monday, April 22, 2024

Dinja stramba taħt Avalonia

Mario Azzopardi
Mario Azzopardi
Kritiku tal-Films

Aqra wkoll

Sa issa donnu ebda film ma jista’ iwaqqa’ “Black Panther: Wakanda Forever” mill-quċċata ta-box Office Amerikana. Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, l-unika sfida ġiet mit-thriller komiku “Violent Night” li ddebutta fit-tieni post. Dan il-film mistenni jkun fit-teatri lokali fil-ġimgħa ta’ qabel il-Milied. Bejn il-Ġimgħa u l-Ħadd, “Violent Night” kellu dħul ta’ $13.3 miljun, somma meqjusa diċenti u ftit għola minn dik mistennija.  Biex wieħed jieħu idea, “Violent Night” qiesu “Die Hard” mżewweġ ma’ “Home Alone”.

“Strange World” kompla jiddiżappunta u okkupa t-tielet post. Il-film satiriku “The Menu” għadu sejjer tajjeb u okkupa r-raba’ post. Fil-ħames post wieħed isib il-film drammatiku dwar bdoti li ħadu sehem fil-gwerra tal-Korea. Dan jismu “Devotion” bl-atturi Jonathan Majors u Glen Powell. Il-kumpanija Sony ippretendiet li jkollu suċċess akbar bih li sewa $90 miljun biex inħadem.

Strange World

Kif innutajt f’din il-paġna l-ġimgħa l-oħra, il-kumpanija Disney mhix ferħana kif mar il-film animat “Strange World” fl-opening weekend fit-teatri Amerikani għax falla milli jiġbed il-familja lejn is-swali taċ-ċinema. Din l-aħbar ġiet meqjusa katastrofika għad-Disney billi anke films animati riċenti bħal “Lightyear” u “Encanto” marru ħażin. “Strange World” sewa $180 miljun biex inħadem. Wara ġimgħatejn, dan il-fim animat kellu dħul meqjus miżeru ta’ $42.3 mill-pajjiżi kollha fejn ħareġ għall-wiri.

Id-dinja f’“Strange World” hi stramba, imma dawk li jgħixu fiha huma realistiċi, ikkuluriti u jiċċelebraw id-diversità.

Maħdum taħt id-direzzjoni ta’ Don Hall megħjun minn Qui Nguyen, dan il-film animat jippreżentalna lil Ethan Clade (Jaboukie Young- White), li jkun biracial u wieħed li ma jaħbix li hu gay. Meta jkun qrib Diazo (Joanthan Melo), li kien iffissat fuqu, Ethan bħal donnu jeħillu lsienu.

Il-familja Clade, bil-missier jismu Searcher (Jake Gyllenhaal), kienet waħda li jispeċjaliżżaw fl-esplorazzjoni u jiddeċiedu li l-missjoni tagħhom tkun li jmorru fid-dinja surreali u perikoluża ta’ taħt Avalonia. Din kienet dinja b’ekosistema li qatt ma raw bħalha.

“Strange World” hu kklassifikat U (jista’ jarawh kulħadd) imma tajjeb li wieħed ikun jaf li fih xi xeni fejn it-tfal zgħar ħafna jistgħu jibżgħu.

Fir-ritratt: Marcia Gay Harden u Jon Hamm f’Confess, Fletch

Confess, Fletch

Fit-tmenijiet kienu ħarġu għall-wiri it-thrillers komiċi “Fletch” u “Fletch Lives” bl-attur Chevy Chase fil-parti ta’ ġurnalist undercover. F’dawn l-aħħar snin, kien hemm diversi tentativi sabiex jagħmlu reboot tal-films ispirati mill-karattru li ħoloq l-awtur Amerikan Gregory Mcdonald. B’kollox ippubblika 9 kotba fuq dan il-karattru.

B’storja li għandha delitt, serq ta’ biċċiet tal-arti li jiswew il-mijun u ħtif ta’ persuna, in-narrattiva hi mħawra sew. Matul il-film kollu, id-direttur Greg Mottola jipprova jieħu t-tapit minn taħt saqajn l-udjenza għalkemm jekk wieħed joqgħod attent sew, kmieni fil-film tista’ tintebaħ min hi l-persuna wara dan kollu.

Irwin M. “Fletch” Fletcher (Jon Hamm) jiġi mibgħut Boston min-namrata tiegħu Angela (Lorenza Izzo) sabiex isib il-pitturi misruqa ta’ missierha li kienu għand in-negozjant Ronald Horan (Kyle MacLachlan). Missier Angela ikun biljunarju Taljan li jispiċċa maħtuf mill-mafja li bħala rahan riedu dawn il-pitturi.

Meta Fletch jasal fid-dar mikrija f’Boston, huwa jsib mara mejta li tiġi identifikata bħala Laurel Goodwin (Caitlin Zerra Rose). Minkejja li kien Fletch li jċempel lil-pulizija,  l-ispettur Monroe (Roy Wood Jr.) u l-kollega detektiv Griz (Ayden Mayeri) jissuspettaw li Fletch ikun il-qattiel u ma jitilqux minn taħt għajnejhom.

Fletch jiltaqa’ ma’ Horan u Tatiana (Lucy Punch) billi juża ismijiet foloz. Tatiana tkun l-ex mara tas-sid tad-dar mikrija. Fletch jissuspetta li s-sid tad-dar, li jismu Owen (John Behlmann) ikun il-qattiel. Sadanittant, omm tar-rispett ta’ Angela, il-Kontessa Sylvia de Grassi (Marcia Gay Harden), tistieden ruħha b’idejha biex toqgħod ma’ Fletch. Angela ma tieħux gost b’dan kollu billi hi tissuspetta li l-kontessa u ħu Angela huma l-moħħ wara l-ħtif ta’ missierha.

Minkejja narrattiva kkumplikata, il-film hu diċenti u għalkemm hemm sforz biex ikun thriller komiku, ma jdejqekx b’dak li jkun qed jiġri. Jon Hamm hu passabbli għal din il-parti.

“Confess, Fletch” hu kklassifikat 15 minħabba lingwaġġ mhux xieraq, xeni ta’ sess u użu tad-droga.

Sport