Friday, November 1, 2024

Disa’ persuni mixlija bi traffikar uman għal skop ta’ prostituzzjoni

Aqra wkoll

Tmint irġiel u mara tressqu l-Qorti mixlija li ttraffikaw nisa minn barra l-pajjiż għal skopijiet ta’ prostituzzjoni f’Malta.

Huma tressqu quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit illum għall-ħabta tal-5.00pm wara li fil-ġurnata ta’ qabel, il-Pulizija kienet wettqet sensiela ta’ rejds f’diversi lokalitajiet madwar Malta u arrestat b’kollox 11-il persuna b’rabta ma’ traffikar ta’ persuni.

Id-disa’ persuni li tressqu l-Qorti huma Luke Farrugia ta’ 36 sena residenti l-Gżira, Clint D’Amato ta’ 36 sena residenti l-Gudja, Denzil Farrugia ta’ 19-il sena mill-Marsa, Alexandra Suhov Procora ta’ 32 sena u Nicolae Efimov – it-tnejn mir-Rumanija iżda residenti San Pawl il-Baħar, Kane Vassallo ta’ 22 sena mis-Siġġiewi, Luca Emanuele Corito ta’ 21 sena mill-Isla, Dylan McKay ta’ 30 sena mill-Fgura u Gordon Cassar ta’ 44 sena minn Ħaż-Żebbuġ.

Huma kienu mixlija b’rabta ma’ traffikar uman, ħasil ta’ flus u promozzjoni jew twaqqif ta’ organizzazzjoni kriminali fost sensiela ta’ akkużi.

L-Ispettur John Spiteri mit-Taqsima ta’ Kontra l-Vizzji spjega li għall-ewwel, il-pulizija kienet bdiet investigazzjoni dwar burdell iżda rriżulta wkoll li erba’ tfajliet Kolumbjani allegatament kienu ġew traffikati.

Intqal li fil-bidu kien hemm dubji dwar min kien wara dan kollu, iżda l-investigazzjoni li ilha għaddejja madwar xahrejn “uriet li l-imputati kellhom rwol attiv f’din l-attività kriminali.”

L-Ispettur Spiteri żied jgħid li meta l-Pulizija tkellmet man-nisa li allegatament kienu ġew traffikati, il-pulizija identifikaw is-suspettati. “Kull persuna li kienet arrestata rrilaxxat stqarrija u l-pulizija sabet raġunijiet biżżejjed biex takkuża lil disgħa minnhom,” qal l-Ispettur.

Fi tweġiba għal mistoqsija tal-Avukat Difensur Franco Debono, l-Ispettur ikkonferma li l-inkjesta bdiet fit-13 ta’ Ġunju li għadda. Huwa mifhum ukoll li ftit ġimgħat wara l-pulizija skopriet it-tieni burdell f’lokalità oħra.

L-imputati kollha wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom u d-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest tagħhom.

Il-prosekuzzjoni talbet il-ħruġ ta’ ordni ta’ qbid u ffriża tal-assi tal-imputati. Talbet ukoll li tinħareġ ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-vittmi, liema ordni ġiet miqugħa mill-Qorti.

Sadanittant, waqt li kompliet tinstema’ l-kawża, wieħed mill-familjari tal-imputati nqabad jiġbed filmat bil-mobile fl-awla. Il-Maġistrat ordnat lill-Pulizija sabiex jieħdu d-detttalji tiegħu u jiġi investigat.

Fost ix-xhieda pajżana li għad iridu jixhdu hemm persuni minn aġenziji tal-ivvjaġġar u fotografu li kien tqabbad jieħu r-ritratti lill-vittmi, liema ritratti kienu mbagħad jittellgħu fuq “escort websites”.

Wara li semgħet it-trattazzjonijiet taż-żewġ naħat, il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest tad-disa’ imputati minħabba li l-“biża’ ta’ ntralċ ta’ provi” huwa wieħed “serju u reali”.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati Ramon Bonett Sladden u Charmaine Abdilla mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispetturi John Spiteri, Joseph Xerri u Dorianne Tabone.

Għall-imputati dehru l-Avukati Franco Debono, Marion Camilleri, Charles Merceica, Etienne Borg Ferranti, Kathleen Calleja Grima u Michaela Giglio.

Sport