Saturday, May 3, 2025

Diskuss l-użu tal-Intelliġenza Artifiċjali fis-sistema ġudizzjarja lejn aktar aċċessibbiltà u effiċjenza għaċ-ċittadini

Nirayl Grech
Nirayl Grech
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard u s-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti attendew għal workshop organizzat mill-Fakultà tal-Liġi u l-Fakultà tal-ICT fl-Università ta’ Malta li qed iħejju għall-konklużjoni tal-proġett AMPS (Artificial Intelligence in the Maltese Justice System), li sar possibbli grazzi għall-finanzjament ta’ Xjenza Malta u bl-appoġġ kontinwu tal-Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni.

Il-Ministru Attard beda billi jgħid li t-tibdil li qegħdin nesperjenzaw u ngħixu f’din l-era ta’ avvanz teknoloġiku mgħaġġel, huwa evidenti li l-Intelliġenza Artifiċjali (AI), mhix kunċett biss tal-futur, iżda għodda li qiegħda tfassal mill-ġdid ħajjitna, xogħolna u s-servizz offrut lill-pubbliku.

Il-proġett AMPS jiffoka fuq kif l-intelliġenza artifiċjali tista’ sservi ta’ għodda ta’ appoġġ fil-proċessi ġudizzjarji, b’mod partikolari fil-Qorti tat-Talbiet Żgħar, u wassal għall-iżvilupp ta’ prototip diġitali. Din it-teknoloġija għandha l-għan li tgħin lill-ġudikatura b’analiżi ta’ dokumenti u każistika simili, u b’hekk iżżid l-effiċjenza u tnaqqas il-ħin meħtieġ għall-proċessar tal-każijiet.

Dan il-proġett jikkonferma wkoll l-impenn tal-gvern fil-manifest li jirrikonoxxi li l-intelliġenza artifiċjali tista’ tintuża fil-Qrati billi tiġbor informazzjoni fuq każijiet simili u sentenzi tagħhom.

Il-Ministru Attard żied ifakkar li l-Kummissjoni għall-Effiċjenza tal-Ġustizzja tal-Kunsill tal-Ewropa (CEPEJ), sitt snin ilu adottat l-ewwel test Ewropew li jistabbilixxi prinċipji etiċi relatati mal-użu tal-intelliġenza artifiċjali fis-sistemi ġudizzjarji. Dan filwaqt li din is-sena kien ippubblikat l-ewwel rapport dwar l-użu tal-AI fil-ġustizzja maħruġ miċ-CEPEJ.

Dr Attard żied jirrimarka wkoll kif ftit tal-ġimgħat ilu, waqt l-24 edizzjoni tal-Commonwealth Law Conference li kienet ospitata f’Malta, dan is-suġġett kien ċentrali. Semma kif l-istess Commonwealth qed taħdem fuq proġett li permezz tiegħu jiġbor u janalizza l-liġijiet minn kull pajjiż permezz tal-AI.

Il-ministru għamilha ċara li l-AI mhix se tissostitwixxi d-deċiżjonijiet kritiċi mistennija mill-imħallfin, maġistrati jew arbitri, iżda għandha sservi bħala għodda għall-professjonisti legali biex iwettqu r-riċerka tagħhom.

“L-għan m’għandux ikun biss li l-ġustizzja tkun servuta, iżda li tkun aċċessibbli, effiċjenti u ekwa għal kulħadd”, tenna jgħid il-Ministru Attard.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti, qal li, “Il-proġett AMPS jirrappreżenta pass kbir ’il quddiem fil-mod kif nagħtu spinta lill-ġustizzja permezz tat-teknoloġija. Din mhix biss sistema intelliġenti – hija prova konkreta ta’ kif l-Intelliġenza Artifiċjali tista’ taħdem flimkien mal-bniedem, mhux biex tieħu postu, iżda biex issaħħaħ il-kapaċità tiegħu li jieħu deċiżjonijiet ibbażati fuq informazzjoni preċiża u f’waqtha. B’din l-inizjattiva, Malta qed tikkonferma l-impenn tagħha li tinvesti f’innovazzjoni etika, trasparenti u mmexxija mill-valuri li jagħmluna soċjetà ġusta u b’saħħitha.”

Fost dawk li attendew għal din il-konferenza kien hemm preżenti s-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni s-Sur Johan Galea, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati s-Sinjura Vanessa Grech, id-Dekan tal-Fakultà tal-Liġi Prof. Ivan Mifsud u l-Eks Ġudikatur tat-Tribunal tat-Talbiet iż-Żgħar Dr Juliana Scerri Ferrante.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport