Wednesday, December 25, 2024

DIŻASTRI

Aqra wkoll

Id-diżastri fiż-żona tal-Mediterran ma qatgħux. Nirien enormi fi Spanja, il-Portugall, Franza u l-Greċja. Terremot mill-kbar fil-Marokk. Għargħar fil-Libja. Vulkan jiżbroffa fi Sqallija. U oħrajn.

Wara dawn id-deċennji nitkellmu dwar il-ħtieġa ta’ Mediterran aktar magħqud, jidher li ma jeżistix mekkaniżmu li bih il-pajjiżi miġbura madwar il-Baħar jaslu biex jgħinu lil xulxin meta jinqalgħu l-problemi. Għajnuna tingħata imma kważi kull darba skont il-każ li jqum, bit-tard, forsi bin-nieqes.

Anke fl-organizzazzjoni tas-solidarjetà il-popli tal-Mediterran ma rnexxilhomx jiżviluppaw ħidma effettiva. Donnu li wara li sfronda l-imperu Ruman, iż-żona kollha li qabel kienet tifforma enti waħda, inqasmet u ma tistax terġa’ ssib bażi soda għal aktar għaqda.

M’inix se ngħid li Malta għandha tkun pont bejn in-nord u s-sud tar-reġjun. Mill-bidu nett, kont qiest dik il-ħolma tal-imgħoddi bħala xejn realistika. Biss ħadd ma jista’ jiċħad li hemm ħtieġa ta’ xi fattur li jdaħħal aktar għaqda u koperazzjoni bejn kull naħa taż-żona “tagħna”. Mhux l-anqas kontra d-diżastri.

L-GĦOLI TAL-ĦAJJA

Baqa’ jiżdied l-inkwiet dwar l-għoli tal-ħajja, li qed irabbi l-għerq. Meta jiġri hekk, idum biex jinqered.

Għall-ewwel kien intqal li ż-żieda fil-prezzijiet ġiet ikkawżata mill-impatt tal-pandemija tal-Covid fuq il-kummerċ internazzjonali. Kienu tħarbtu l-mezzi li bihom prodotti essenzjali jaslu minn naħa għal oħra tad-dinja “globalizzata”. Id-dewmien li rriżulta qanqal skarsezzi li affettwa l-prezzijiet. Malli l-Covid tgħaddi, l-affarijiet jitranġaw, qalulna. Ma ġarax hekk, in parti għaliex faqqgħet il-gwerra tal-Ukrajna li ħolqot skarsezzi ġodda.

Illum qed jikber qbil li l-inflazzjoni għaddejja tirrefletti bidliet aktar profondi minn dawk li ġabu magħhom il-Covid u l-gwerra fl-Ukrajna biss. Ma jidhirx li hemm qbil unanimu dwar fiex jikkonsistu dawn il-bidliet. Il-ħidma kontra l-inflazzjoni fl-Ewropa qed issir aktar kumplessa.

SKANDLI

Ix-xenarju politiku ma jkunx dak li hu kieku ma jinqalgħux regolarment l-iskandli li jqajmu ferment fost il-klassi politika. Ferment li ta’ spiss jinxtered fost il-poplu, anke lejn dawk li mhumiex interessati fil-politika.

Biex jagħtu n-nar lil dal-ferment jidħlu l-mezzi tal-kumnikazzjoni u fi żmienna l-mezzi soċjali. Aktar minn dawk involuti fil-politika, il-ġurnalisti ta’ kull tip għandhom interess fl-iskandli li jqumu. Jarawhom bħala opportunità biex iżommu u jżidu l-qarrejja tagħhom. Jagħtu sens ta’ avventura u skoperta lil min jaħdem biex iġib aktar tagħrif dwarhom.

Sfortunatament l-iskandli, apparti mill-abbużi u żbalji li jiżvelaw, għandhom l-iżvantaġġ li juru l-politika l-aktar — jekk mhux f’kollox — bħala ħidma mtellgħa minn brikkuni għall-brikkuni. Dan mhux ġust fuq politiċi li jaħdmu bil-galbu u b’dedikazzjoni. Hemm minnhom. Mhux ftit.

Ekonomija

Sport