Monday, May 13, 2024

L-akkużat ċempel lil Felic l-għada biex jara kif inhu

Jingħata l-ħelsien mill-arrest fuq allegat tixrid ta’ filmat b’kontenut sesswali

Aqra wkoll

Mark Cachia Zammit, raġel ta’ 35 sena residenti l-Pietà, tressaq il-Qorti fejn kien mixli li xerred filmat b’kontenut sesswali online mingħajr il-kunsens tal-persuni li jidhru fih. 

Il-Prosekuzzjoni spjegat fil-Qorti li nhar il-15 ta’ Settembru li għadda, il-pulizija rċeviet rapport li ttella’ filmat b’kontenut sesswali online. Minn investigazzjoni li saret irriżulta illi l-każ seħħ fil-klabb tal-boċċi ta’ Ħal Luqa. Il-pulizija qalet li rnexxielha tasal għall-persuna li ġibdet il-filmat permezz tax-xhieda preżenti fuq il-post.

L-Avukati Difensuri għamlu talba għall-ħelsien mill-arrest, liema talba ġiet oġġezzjonata mill-Prosekuzzjoni. Id-Difiża qalet li l-imputat mhux se jwieġeb ħati għall-akkużi miġjuba kontrih minħabba l-fatt illi dawk li wettqu l-atti sesswali ma oġġezzjonawx għall-ġbid tal-filmat u ħadd ma sfurzahom iwettqu dawn l-atti. 

Id-Difiża żiedet tgħid li l-imputat, li allegatament ġibed il-filmat, ħa inizjattiva fejn l-għada ċempel lill-allegat vittma, ċertu Feliċ, u staqsieh x’għajnuna għandu bżonn u jekk jinsabx tajjeb. Ingħad ukoll li pprova jara kif jagħmel kuntatt mal-mara iżda ma kellux numru tagħha.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat tal-Għassa Natasha Galea Sciberras, laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest taħt diversi kundizzjonijiet, fosthom: depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €5,000. Huwa ġie ordnat ukoll jiffirma l-għassa ta’ Birżebbuġa darba fil-ġimgħa u biex ma javviċinax lix-xhieda tal-Prosekuzzjoni.

Il-Qorti ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur il-vittmi.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Paul Camilleri u Kurt Farrugia.

Għad-Difiża dehru l-Avukati Jason Azzopardi u Kris Busietta.

Sport