Sunday, December 22, 2024

DJ Franċiż akkużat li stupra mara f’lukanda f’San Pawl il-Baħar

Aqra wkoll

Mickael Zola, Franċiż ta’ 39 sena, iżda mwieled il-Kongo ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li kien akkużat li stupra mara f’lukanda f’San Pawl il-Baħar.

Fil-Qorti, quddiem il-Maġistrat Madine Lia meta ġie mistoqsi x’jaħdem, Zola wieġeb li jaħdem bħala DJ. Hu kien akkużat li wettaq l-istupru fl-20 ta’ Awwissu li għadda f’xi ħinijiet nejn il-5.00am u l-10.00am.

Hu wieġeb mhux ħati tal-akkużati u permezz tad-difiża, Zola talab għall-ħelsien mill-arrest. Iżda l-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għal dan minħabba li l-akkużat m’għandux indirizz fiss fejn jgħix f’pajjiżna.

Il-Qorti wara li semgħet iż-żewġ naħat laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest taħt diversi kundizzjonijiet fosthom li jagħti l-indirizz tal-lukanda fil-Qawra fejn se jkun qiegħed jgħix.

Il-Franċiż ġie ordnat li jiffirma kuljum fl-Għassa bejn it-8.00am u 8.00pm u li ma jistax joħroġ bejn 9.00pm u 7.00am. Ġie ordnat ukoll li jiddepożita €10,000 u li jagħmel tajjeb b’garanzija personali ta’ €10,000 oħra.

Il-Qorti ħarġet ordni ta protezzjoni favur l-allegat vittma li qiegħda l-Ingilterra u l-eżamijiet mediċi fuqha diġà saru.

Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ qed titmexxa’ mill-Avukati Darlene Grima u Miriayah Borg f’isem l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

Ekonomija

Sport