DJ ta’ nazzjonalità Libjana li għandu 34 sena u Serb ta’ 21 li jaħdem bħala bouncer ġew arrestati mill-pulizija b’rabta ma’ traffikar tad-droga.
Fi stqarrija l-Pulizija qalu li waqt rondi ta’ rutina f’Paceville, il-pulizija innotaw persuna li kien qed iwettaq xogħol ta’ bouncer f’stabbiliment fi Triq San Ġorġ jaġixxi b’mod suspettuż. Il-pulizija komplew jissorveljaw l-imsemmi persuna fejn f’ħin minnhom segwewh sal-kamra tat-toilets u qabduh filfatt b’erba’ qratas suspettata kokaina f’idejh u fl-id l-oħra magna li tgħaddi t-transazzjoni tal-flus. Fil-kamra kien hemm żewġ persuni oħra, b’wieħed minnhom kien qed jgħaddi l-kard minn fuq din il-magna tal-flus.
Is-Serb ta’ 21 sena li kien qed jagħmel xogħol ta’ bouncer u li allegatament inqabad filfatt ibigħ id-droga ġie arrestat fuq il-post u minn investigazzjonijiet li saru rriżulta li l-magna tal-flus kienet allegatament proprjetà tad-DJ li kien qed idoqq fl-istabbiliment dak il-ħin.
Il-Pulizija proċediet bl-arrest tad-DJ, Libjan ta’ 34 sena fejn minn tfittixjiet li saru, fil-pussess tiegħu nstabu magna oħra li tgħaddi t-transazzjonijiet tal-flus, kif ukoll ammont ta’ qratas vojta li lkoll ġew elevati.
L-investigazzjonijiet tal-pulizija għadhom għaddejjin.