Friday, December 13, 2024

DNUB DWAR BUĠIBBA

Aqra wkoll

M’għandix problema nerġa’ ngħidha. Dnub li Buġibba baqgħet titħalla taqa’ lura fil-manteniment u l-kura tal-faċilitajiet li toffri. M’inix waħdi li ngħid dan, għalkemm ma nindokrax xi bar jew xi lukanda hemm! 

Ingħidu kif irridu nilqgħu turisti ta’ kwalità għolja u dawn mhux se jinteressaw ruħhom f’Buġibba. Imma jekk naħsbu li m’għandniex bżonn lit-turisti ta’ kwalità medja jew “baxxa” qed nagħżqu fl-ilma. Neħtiġuhom bil-kbir u dan sakemm nistabbilixxu ruħna mija fil-mija bħala lok ta’ turiżmu prima klassi, jekk qatt se nagħmlu dan.

Sadattant, Buġibba u d-dintorni jridu jingħataw nifs ġdid, b’manteniment u modernizzar tal-faċilitajiet li jinsabu hemm. Jeħtieġ sforz ġdid ta’ investiment pubbliku u privat. U fil-ħidma meħtieġa ta’ ippjanar, għandhom jiġu involuti l-impriżi kollha taż-żona, waqt li kollha kemm huma, ikunu mistennija li fl-operat tagħhom, josservaw bla eċċezzjoni r-regolamenti viġġenti dwar ambjent u kura tal-post. 

B’ŻEWĠ TERZI

Mela jidher li issa ninsabu maqbuda f’sitwazzjoni fejn biex jimtlew ċerti karigi, irid ikun hemm maġġoranza ta’ żewġ terzi fil-Parlament. Dil-ħaġa xtaquha mingħandna l-Maġi tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Unjoni Ewropea li jifhmu ħafna fid-demokrazija. 

La ma ntlaħqux iż-żewġ terzi, ninsabu ffaċċjati b’paraliżi f’ċerti ħatriet. Il-bravi Ewropej li qalulna nwettqu dawn il-bidliet … u aħna obdejna … ma kinux qraw l-istorja politika ta’ Malta fejn f’imgħoddi kolonjali mhux daqstant imbiegħed, kien jitqanqal dat-tip ta’ paraliżi u għall-istess raġunijiet. Lanqas taw kont ta’ arranġamenti f’pajjiżi Ewropej fejn għandhom salvagwardji għal meta ż-żewġ terzi ta’ maġġoranza mhijiex tintlaħaq.

Tassew għandna bżonn dawn l-għorrief biex jgħidulna kif immexxu f’darna?

PLEĠĠ TAL-PULIZIJA

Ma nifhemx f’aspetti konkreti tal-liġijiet Maltin u tat-twettiq tagħhom. Pereżempju sa fejn iwassal pleġġ tal-pulizija, u x’inhuma l-kundizzjonijiet tiegħu.

Jinvolvi li ċċedi l-passaport u l-karta tal-identità? Għax mingħajrhom, ma tistax issiefer fiż-żona Schengen imma bihom, m’hemm l-ebda kontroll fuq fejn u kif tmur. 

Jinvolvi li biex issiefer jekk tkun taħt pleġġ, trid titlob permess? 

Il-miżuri kollha jidhruli li jistgħu jiġu ċċarati b’mod amminstrattiv u x’ġara jew ma ġarax f’każi partikolari, stabbilit malajr malajr bla ebda dewmien – kif titlob il-governanza serja. Minflok qed issir inkjesta indipendenti mmexxija minn imħallef. Sakemm jissottometti r-rapport tiegħu, l-biċċa kollha tkun birdet u ntesiet.

Mhux kulħadd se jkun nesa madankollu. 

Irridu noqgħodu attenti. Ma nistgħux nispiċċaw taħt suspett permanenti li qed nilagħbu noli bil-liġijiet ta’ ħarsien u sigurtà. Kulma jonqosna biex dawn is-suspetti jissaħħu hu rapport ta’ eks imħallef li jitlesta meta l-inċident li wassal għalih ikun ilu li “intesa”.

Ekonomija

Sport