Thursday, March 28, 2024

DOMMI

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Jintqal li kull reliġjon hi mibnija fuq dommi ta’ twemmin li għalkemm ma jistgħux jiġu ppruvati jew sostnuti “xjentifikament” iridu jiġu aċċettati b’għajnejn magħluqa. Ċertament, kif tistqarr hi nnifisha, l-fidi Kattolika hi waħda minn dawn ir-reliġjonijiet.

Ma hemm l-ebda argument li jista’ jkun validu b’mod “assolut” kontra jew favur li taqbel ma’ domma. Il-libertà personali ta’ kull persuna għandha tkopri d-dritt li din taċċetta kwalunkwe domma li jipproponulha. Li hu xieraq (għalkemm aktar delikat) madankollu hu li ċ-ċittadini jkollhom il-mezzi biex jagħrfu li x’qed jiġi pproponut lillhom hu domma.

Fil-fatt hu hawn li l-Knisja Kattolika tibbrilla għax b’mod onest tirrikonoxxi fejn il-proposti tagħha huma dommi.

F’oqsma oħra tal-ħajja dan ma jiġrix. Pereżempju, mhux rikonoxxut li dawn l-istqarrijiet huma jew jistgħu ikunu dommi:
–Fil-gwerra ta’ Putin fl-Ukrajna, ir-Russja ġġorr it-tort kollu.
–Bid-dħul tagħha fl-Unjoni Ewropea, Malta rebħet benefiċċji kbar u kważi xejn żvantaġġi.
–Il-Maltin huma kontra r-razziżmu u ma jittollerawhx.

KULĦADD JAF LIL KULĦADD

Li dal-pajjiż hu ċkejken ħafna hu fatt evidenti. Li dan joħloq ċertu dwejjaq għal min jgħix hawn qatt għalhekk ma għaġġeb lil ħadd. Din il-kondizzjoni dejjem kienet hawn, taħt kull reġim.

Żgur m’għandhiex x’taqsam mal-istorja li ż-żgħażagħ iridu jitilqu jgħixu x’imkien ieħor malajr kemm jistgħu. Jew għandha?

Għax ċerti stejjer li niġu mitmugħa donnhom iridu jgħidu li dix-xewqa ta’ żgħażagħ li jirrispondu lill-kwestjonarji li jsirulhom hi kkawżata llum miċ-ċirkostanzi attwali tal-ħajja taħt gvern Laburista.

Hi l-ispin li jagħtu apoloġisti tal-Oppożizzjoni għar-realtà li f’sitwazzjoni bħal tagħna, fejn kulħadd jaf lil kulħadd, iż-żgħażagħ jaspiraw għal soċjetà nieqsa mill-kontrolli soċjali żejda, jew li jinħassu hekk. Hekk kien jiġri wkoll fiż-żmien meta kont żagħżugħ.

TRID TIRREPETI

Intrigatni r-reazzjoni ta’ ħabib tiegħi meta għedtlu kemm stagħġibt li xi ħaġa li kont għedt mat-tliet snin ilu u tennejt wara, meta erġajt għedtha issa, tqieset bħala xi “aħbar” ġdida.

Int bis-serjetà qed titkellem? staqsa. Mela ma tafx li bil-firxa wiesgħa ta’ mezzi tal-kumnikazzjoni li għandna ġrat ħaġa stramba? Minflok l-informazzjoni dwar li jinsab għaddej tilħaq lil kulħadd, din qed tinxtered ma’ diversi kanali ta’ kumnikazzjoni. Frazzjoni ċkejkna tas-soċjetà qed tinduna b’xinhu jintqal tassew, anke mill-Gvern jew mill-Oppożizzjoni. Il-biċċa l-kbira tal-pajjiż taf jew iżżomm f’moħħha parti biss mill-messaġġi li jkunu qed jitwasslu. Dak li jibqa’ fil-memorja ta’ min ikun sema’ x’aktarx li ssibu kontaminat.

–Allura xi trid tagħmel biex twassal messaġġ sempliċi?
–Tirrepeti, tirrepeti, tirrepeti, weġibni.

Ekonomija

Sport