Tiftakru lil Donald Trump waqt il-kampanja Presidenzjali jgħid li jrid ikun diktatur mill-ewwel ġurnata. Ħafna kienu xettiċi dwar dan. Imma proprju waħda mid-deċiżjonijiet li ħa ġabitu f’konfront mal-imħallfin. Din hi dwar id-deportazzjonijiet.
Mar-ritorn trijonfanti tiegħu fil-White House, il-President tal-Istati Uniti beda jisfida deċiżjonijiet ġudizzjarji. Id-drift awtoritarju tiegħu qed jhedded li jwassal għal kriżi kostituzzjonali u jipperikola s-sistema ta’ kontrolli u bilanċi li ddefiniet id-demokrazija tal-Istati Uniti għal kważi 250 sena.
Il-konfront li inħoloq bejn istituzzjonijiet tal-gvern intensifika matul il-ġimgħa li għaddiet, wara li l-President Trump invoka liġi tas-seklu 18, applikabbli fi żminijiet ta’ gwerra, biex l-immigranti jiġu deportati mingħajr garanziji legali — bħalma kien wiegħed li jagħmel.
L-Imħallef Federali James E. Boasberg ordna li titwaqqaf id-deportazzjoni mgħaġġla ta’ mijiet ta’ persuni mill-Venezwela lejn El Salvador, fejn kienu mitfugħin il-ħabs malli waslu mill-gvern ta’ Nayib Bukele. It-trasferimenti komplew, u Trump irreaġixxa billi sejjaħ biex l-imħallef jiġi ‘impeached’ u mneħħi mill-Kungress. L-attakk ta’ Trump wassal għal tweġiba mill-Prim Imħallef tal-Qorti Suprema tal-Istati Uniti John Roberts, li qal li “għal aktar minn żewġ sekli, ġie stabbilit li l-impeachment mhix tweġiba xierqa għal nuqqas ta’ qbil dwar deċiżjoni ġudizzjarja. Il-proċess normali ta’ reviżjoni tal-appell jeżisti għal dak il-għan,” qal Roberts fi stqarrija straordinarja.