Monday, May 13, 2024

Donazzjoni ta’ €10,000 b’risq Hospice Malta mill-impjegati ta’ San Vinċenz de Paul

Aqra wkoll

Fl-okkażjoni tax-xahar iddedikat għall-għarfien dwar il-marda tal-kanċer, il-ħaddiema u r-residenti  ta’ San Vinċenz de Paul organizzaw jum ta’ attivitajiet biex jinġabru fondi b’risq Hospice Malta. 

Is-somma ta’ €10,000, li nġabret mill-ħaddiema u r-rapprezentanti tagħhom, ġiet ippreżentata lill Kap Eżekuttiv ta’ Hospice Malta Kenneth Delia, fil-preżenza tal-mara tal-Prim Ministru, Dr Lydia  Abela u l-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia. 

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Michael Farrugia faħħar lill-ħaddiema li għarfu jqumu għall-okkażjoni  u organizzaw din l-attività b’impenn u dedikazzjoni kbira.  

Huwa fakkar li llum il-ġurnata, il-faċilità San Vinċenz mhijiex biss residenza, iżda toffri wkoll livell  għoli ta’ kura, investigazzjonijiet mediċi u servizzi li qed jiġu offruti anke għall-anzjani li jgħixu fil komunità u dan bl-iskop ewlieni li jkun hemm inqas piż fuq l-isptar Mater Dei. 

Il-Ministru Michael Farrugia esprima l-pjaċir tiegħu għall-fatt li Hospice Malta kompliet tevolvi fis soċjetà Maltija u l-kura paljattiva llum hija parti integra mal-mod ta’ kif wieħed għandu jkun jaf kif  iġib ruħu ma’ persuni morda bil-kanċer u l-qraba tagħhom. 

Huwa fakkar fit-taħriġ li bħalissa qed jingħata lill-ħaddiema fis-settur tal-ospitalità, b’kollaborazzjoni  mal-ITS, u l-pjan li eventwalment il-ħaddiema jkomplu jingħataw taħriġ dwar kif għandhom  jindirizzaw persuni li jkunu waslu fl-aħħar ta’ ħajjithom. 

Huwa temm jgħid li huwa tajjeb li jinġabru fondi iżda jkun iktar tajjeb kieku kellhom jonqsu l-każi  tal-mard tal-kanċer għax ikun hawn iżjed għarfien dwar kif wieħed jista’ jippreveni din il-marda jew  jidentifikaha fi stadju bikri. 

Fid-diskors tagħha, Dr Lydia Abela faħħret din l-inizjattiva mtella’ mill-ħaddiema stess li jaħdmu  San Vinċenz, li ttellgħet għat-tielet sena konsekuttiva, fejn din is-sena nġabret is-somma rekord ta’  €10,000. Dawn il-fondi se jmorru għal għan nobbli u li ser jibbenefikaw minnhom nies li għandhom  bżonn għajnuna ta’ servizzi varji mingħand Hospice Malta. 

Dr Abela kompliet itenni u tfaħħar ix-xogħol li jagħmlu l-ħaddiema mal-anzjani. Hija saħqet li x xogħol tagħhom imur oltre minn dak ta’ servizz provdut għaliex bid-dedikazzjoni tagħhom jagħtu  wkoll wens, kumpanija u ħbiberija lir-residenti li jgħixu ġewwa San Vincenz.

Sport