Friday, April 26, 2024

Dorian Pisani jieħu post Jovan Popovic bħala coach ta’ Neptunes

Aqra wkoll

Iċ-champions lokali tal-waterpolo Neptunes WPSC keċċew lill-coach Jovan Popovic u ħatru lil Dorian Pisani bħala l-coach il-ġdid tagħhom, ħabbar il-club tad-Diviżjoni Premier.

Popovic kien ilu fit-tmun ta’ Neptunes WPSC għal dawn l-aħħar ħames snin u taħt it-tmun tiegħu l-club mill-Balluta gawda minn ħafna suċċessi, jiġifieri tliet titli ta’ kampjonat nazzjonali u kompetizzjoni waħda ta’ knock out fost oħrajn.

Madankollu, it-telfa tas-Sibt kontra San Ġiljan kienet fatali għall-coach Montenegrin hekk kif it-team sofra t-tieni telfa kosnekuttiva kontra rivali dirett tal-kampjonat wara t-telfa tagħhom ma’ Sliema l-ġimgħa li għaddiet.

It-telfa kontra San Ġiljan rat lil Neptunes jitilfu l-ewwel post fil-Premier kontra s-Saints u waqt laqgħa tal-kumitat li saret il-Ħadd filgħodu l-club iddeċieda li jkeċċi lil Popovic u jaħtar lil Pisani bħala l-coach il-ġdid tagħhom.

Il-kompitu ewlieni ta’ Pisani issa se jkun li jipprepara lit-team għall-play-off tal-kampjonat tagħhom kontra Sliema fil-jiem li ġejjin.

“Il-Club iħabbar li, wara laqgħa tal-kumitat dalgħodu, u b’kunsens reċiproku mal-Coach tal-Ewwel Team Jovan Popovic, ġie miftiehem li Popovic ma jibqax jokkupa d-dmirijiet ta’ Coach,” qal il-club fi stqarrija.

“Dorian Pisani, ex player tal-ewwel team li qatta’ bosta snin fil-Club, inħatar bħala Coach tal-Ewwel Tim b’effett immedjat u qabel ma’ kuntratt sal-aħħar tal-2023. Nilqgħu lura lil Dorian u nawguralu l-aqwa suċċess. mar-ritorn tiegħu fil-Club.”

“Il-Club jixtieq jirringrazzja minn qalbu lil Jovan għad-dedikazzjoni, ix-xogħol iebes u l-lealtà tiegħu lejn il-Club f’dawn l-aħħar ħames snin li wasslu għal suċċessi kbar, fosthom tliet kampjonati tas-sajf, titlu tan-Knock Out u bosta unuri oħra.”

“Nawguraw lil Jovan l-aħja xorti għall-futur tiegħu.”

Sport