Tuesday, May 14, 2024

Dumbledore vs Grindelwald

Mario Azzopardi
Mario Azzopardi
Kritiku tal-Films

Aqra wkoll

Is-sequel “Sonic the Hedgehog 2” fetaħ għall-wiri b’mod aktar qawwi mill-film oriġinali li kien iddebutta fi Frar ta’ sentejn ilu.  Bejn il-Ġimgħa u l-Ħadd li għadda, “Sonic the Hedgehog 2” kellu dħul ta’ $71 miljun ippargunat mat-$58 miljun li kellu l-ewwel film fuq l-istess perjodu ta’ tlitt ijiem.  Dan is-suċċess jista’ jiġi nterpritat li l-familji lesti jerġgħu jibdew imorru lejn is-swali taċ-ċinema?  Wieħed għad irid jara.  Għall-Amerikani, għandhom test ieħor fi tmiem il-ġimgħa tal-Għid meta jiddebutta “Fanatstic Beasts: The Secrets of Dumbledore”.

Fis-swieq l-oħra “Sonic” mgħamilx xi xogħol fenominali għax id-dħul kien biss ta’ $37 miljun minn 53 pajjiż.  “Sonic the Hedgehog 2” sewa $90 miljun biex inħadem.

Mill-banda l-oħra, t-thriller “Ambulance” maħdum taħt id-direzzjoni ta’ Michael Bay ma kellux is-suċċess mixtieq.  Fl-ewwel tlitt ijiem kellu dħul ta’ $8.7 miljun.  Sewa $40 miljun li mhix xi somma esaġerata għall-wieħed mimli splussivi u effetti speċjali.  “Ambulance” ddebutta fir-raba’ post.

Fit-tieni post tal-box office Amerikana ta’ tmiem il-ġimgħa li għaddiet niżel “Morbius” filwaqt li fit-tielet post niżel “The Lost City”.  Fil-ħames post niżel “The Batman” li sa issa kellu dħul globali ta’ $735 miljun biex hu l-film li għandu l-akbar dħul għal din is-sena.

Fantastic Beasts: The Secrets of Dumbledore

Għoxrin sena ilu, qabel ħareġ l-ewwel film ta’ ‘Harry Potter’, ħadd ma basar li din is-seniela ta’ films kien ikollha suċċess daqstant straordinarju: it-tmien films kellhom dħul ta’ kważi $7.8 biljun!

J.K. Rowling ma waqfitx hemm.  Minnu welldet ukoll is-sensiela prequel ta’ ‘Fantastic Beasts’ li diġa wasal fit-tielet parti bil-Warner Bros. diġa ħabbru li qed jippreparaw għar-raba’ wieħed.  L-ewwel tnejn diġa kellhom dħul ta’ $1.5 biljun. 

Il-ġdid “Fantastic Bests: The Secrets of Dumbledore” għandu għeruq fondi fil-mitoloġija tal-Wizarding World ta’ Rowling.  Dawk li huma devoti għal din id-‘dinja’ ser jimpressjonaw irwieħhom bir-revalazzjonijiet ġodda li għandu x’joffri dan il-film spettakolari.

Lil Johnny Depp mhux ser narawh fil-parti ta’ Gellert Grindelwald.  Il-Warner Bros. ma riedux jissograw reazzjoni negattiva mill-pubbliku wara li tilef kawża ma’ ġurnal Ingliż dwar vjolenza domestika.  Kien laħaq ħadem xena waħda biss qabel ittieħdet id-deċiżjoni li mhix inkluża fil-film.  Depp mhux ser jibqa’ b’idejh vojta għax il-kumpanija xorta trid tatih is-salarju ta’ $16-il miljun minħabba kif kien miftiehem il-kuntratt.

Johnny Depp mhux hemm imma il-karattru ta’ Grindelwald issaħħaħ ferm aktar.  Post Depp ħadu Mads Mikkelsen.  Id-direttur David Yates ma qgħadx jaħli ħin biex jippreżentah.  Il-laqgħa bejnu u l-prinċipal ta’ Hogwarts, Albus Dumbledore (Jude Law) narawhom f’laqgħa bejniethom li tissettja t-ton u l-konfront li ser inkunu qed naraw matul il-film kollu. 

Grindelwald hu determinat li jinstiga gwerra mondjali f’epoka meta fil-Ġermanja ġie elett il-kanċillier Nażista.  It-ton faxxista li naraw f’diversi xeni u l-qatgħa xagħar ta’ Grindelwald ma jħallulek ebda dubju id-direzzjoni u l-messaġġ li ried iwassa dan il-film.

L-isem sħiħ tal-film iħallilna aspett ieħor bil-kurżita.  X’inhuma dawn is-sigrieti li għandu Dumbledore u kif Grindelwald hu relatat magħhom.

Filwaqt li fil-films ta’ ‘Harry Potter’ kollox kien f’idejn tliet żgħażagħ f’boarding school, is-sensiela ta’ ‘Fantastic Beasts’ hi mibnija madwar sħaħar adulti.  Naturalment kien għażla intelliġenti u strateġika għax il-qarrejja u l-picturegoers ta’ ‘Harry Potter’ issa kibru u saru adulti u b’hekk qed jirrispettaw li mmaturaw aktar.

Wieħed ma jridx jinsa lil Newt Scamander (Eddie Redmayne) u l-bagalja maġika u mimlija sorpriżi li dejjem iġorr.  Meta jsir jaf l-intenzjoni ta’ Grindelwald, Dumbledore idur fuq Scamander biex jitwaqqaf.

Il-film hu miżgħud b’xeni ħelwin.  Waħda minnhom hi meta l-assistenta ta’ Newt, Bunty Broadacre (Victoria Yeates), tikkummissjona sitt kopji identiċi ta’ baskett tal-ġilda tal-boss tagħha ħalli taħbi f’liema baskett hemm l-annimal qilin li Gridelwald riedu akkost ta’ kollox.

L-element komiku hu fdat b’mod effiċjenti f’idejn Dan Fogler fil-parti ta Jacob Kowalski, li għandu forn, ħabib ta’ Newt u l-ex-maħbub ta’ Queenie (Alison Sudol)

Forsi b’riżultat tal-esperjenza kif il-Warner Bros u Peter Jackson espandew it-triloġija ta’ ‘The Lord of the Rings’ u wara t-triloġija ta’ ‘The Hobbit’, issa Rowling u l-istess kumpanija qed jespandu radikalment is-sensiela ta’ ‘Fantastic Beasts’ fuq dik ta’ ‘Harry Potter’.  B’mod innovattiv, kull film qed jissodisfa dawk kollha li huma leali għal dawn it-tip ta’ films u forsi jikkonvinċu xi ftit ġodda, biex qed jinħoloq kult li tista’ tippargunah ma’ dak ta’ ‘Star Wars’.

Gwida għal min ser jara “Fantastic Beasts: the Secrets of Dumbledore”: 12A (tfal taħt it-12-il sena għandhom ikunu akkumpanjati mill-adulti) għax fih xi xeni tal-biża’ u ftit vjolenza.

Sport