Friday, May 29, 2026

Duncan Micallef … b’fiduċja li Mġarr United jistgħu jsiru forza kompetittiva fil-futbol Malti jekk il-proġett jibqa’ miexi fid-direzzjoni t-tajba

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

F’perjodu ta’ trasformazzjoni u ambizzjoni għal Mġarr United FC, wieħed mill-ismijiet li qed ikollu rwol importanti fil-bini tal-proġett tekniku hu Duncan Micallef, assistant kowċ tat-tim.

F’din l-intervista, Micallef jitkellem dwar l-esperjenza tiegħu, il-ħidma ma’ staff ġdid immexxi mill-kowċ ewlieni Andrea Agostinelli, u l-ambizzjonijiet ċari tal-klabb li jasal sal-Malta Premier.

“Se nkun qed nibda staġun sħiħ ma’ Mġarr United,” beda biex qalilna Micallef b’entużjażmu liema bħalu. Hu jfakkar kif is-sena li għaddiet kien diġà parti mill-istruttura teknika minn Jannar sal-aħħar tal-istaġun flimkien ma’ Kurt Baldacchino.

“Kienet esperjenza pożittiva ħafna fejn bdejna nibnu pedamenti importanti.”
Skontu, issa l-klabb qed jidħol f’fażi ġdida aktar strutturata u ambizzjuża. “L-objettivi huma kbar ħafna. Qed inħarsu ‘l quddiem biex naħdmu ma’ kowċ ta’ esperjenza internazzjonali bħal Agostinelli u nagħmlu pass ‘il quddiem bħala klabb. Il-proġett tal-klabb qed jikber.”

Micallef jispjega li l-qawwa ta’ Mġarr United tinsab fl-għaqda interna bejn staff tekniku, membri tal-kumitat u anke partitarji li għalkemm żgħar fid-daqs, għandhom qalb kbira.

“Dak li jagħmel differenza hu l-fatt li kulħadd qed jaħdem fl-istess direzzjoni, mill-istaff tekniku sal-plejers u l-amministrazzjoni.”

Huwa jemmen li l-klabb għandu l-potenzjal li jkun fost l-aqwa timijiet fil-BOV Challenge League u eventwalment jiġġieled għall-promozzjoni. “L-għan tagħna hu ċar: irridu nkunu kompetittivi kontra kull tim u nisfidaw għall-postijiet ta’ fuq.”

Meta jitkellem dwar il-ħidma tiegħu mal-kowċ Kurt Baldacchino, Micallef juri rispett kbir. “Kurt huwa kowċ organizzat ħafna u attent għad-dettall. Nikkumplimentaw lil xulxin tajjeb ħafna.”

Hu jispjega kif it-tnejn jaqsmu ideat kontinwament sabiex it-tim ikun ippreparat kemm tattikament kif ukoll mentalment. “Il-filosofija tagħna hija li kull logħba trid tiġi ppreparata b’mod serju, bħallikieku hija finali.”

Micallef jirrakkonta kif il-passjoni tiegħu għall-futbol bdiet minn età żgħira ħafna. “Bdejt nilgħab mal-akkademja ta’ Mellieħa Sports Club u wara anke kellna esperjenza fl-Imġarr. Il-ġenituri tiegħi kienu jieħduni Ta’ Qali biex naraw lil Birkirkara FC, u minn hemm kibret l-imħabba.”

Fl-età ta’ 19-il sena beda l-vjaġġ tiegħu fil-kowċing. “Iddeċidejt li nibda nikseb il-liċenzji tal-kowċing biex nifhem il-logħba b’mod aktar profond. Dik kienet id-deċiżjoni li bidlitli l-karriera.”

Skont Micallef, ir-rwol tiegħu mhuwiex biss ta’ assistenza teknika iżda wkoll ta’ komunikazzjoni u analiżi. “Naħdem mal-kowċ biex nagħmlu deċiżjonijiet flimkien. Nieħu ħsieb ukoll l-analiżi tal-avversarji u l-preparazzjoni tattika tat-tim.”

Huwa jżid li l-attenzjoni għad-dettall hija kruċjali. “Illum il-futbol huwa ħafna aktar analitiku. Trid tkun ippreparat għal kull xenarju possibbli.”

Micallef jenfasizza wkoll kemm huwa importanti li l-plejers ikollhom mentalità rebbieħa iżda fl-istess ħin jibqgħu umli u ffukati. Hu jispjega li l-proċess ta’ taħriġ ma jikkonsistix biss f’eżerċizzji fil-grawnd, iżda wkoll f’ħidma mentali u dixxiplina ta’ kuljum. “Trid toħloq ambjent fejn il-plejers jemmnu fihom infushom iżda wkoll jifhmu li x-xogħol qatt ma jieqaf,” jgħid.

Huwa jżid li wieħed mill-aktar aspetti importanti fil-ħidma tiegħu hi l-komunikazzjoni kontinwa mal-plejers, speċjalment dawk żgħażagħ li qed jidħlu fl-ewwel skwadra. “Meta tagħti fiduċja lil xi plejer żagħżugħ u tara r-reazzjoni tiegħu ta’ ferħ fil-grawnd, dak ikun l-akbar sodisfazzjon għal kowċ.”

Skontu, dan huwa eżattament il-mod kif Mġarr United jistgħu jibnu futur aktar b’saħħtu u sostenibbli.

Micallef ikompli jenfasizza wkoll l-importanza tal-viżjoni fit-tul tal-klabb, speċjalment f’fażi fejn Mġarr United qed jippruvaw jibnu struttura aktar professjonali u sostenibbli.

Hu jispjega li l-ħidma taħt kowċ ta’ esperjenza bħal Andrea Agostinelli se tkun qed iġġib livell ġdid ta’ dixxiplina u organizzazzjoni fit-taħriġ ta’ kuljum. “Hija persuna li ġġib magħha għarfien internazzjonali u dan qed jgħinna ħafna biex naraw il-logħba b’mod differenti,” jgħid Micallef.

Huwa jżid li l-bidliet mhux biss qed isiru fuq livell tattiku, iżda wkoll fil-mod kif il-plejers jiġu mħarrġa mentalment u fiżikament. “Qed niffukaw ħafna fuq l-intensità, ir-ritmu tal-logħba u anke fuq ir-responsabbiltà individwali ta’ kull plejer. Kulħadd irid ikun parti mill-proċess, mhux biss fil-partita iżda wkoll fil-preparazzjoni ta’ qabilha.”

Skont Micallef, wieħed mill-aktar aspetti pożittivi tal-proġett huwa l-ispirtu ta’ għaqda li qed jinbena ġewwa l-iskwadra. Hu jemmen li dan jista’ jkun id-differenza f’mumenti kruċjali tal-istaġun. “Meta jkollok grupp li jaħdem flimkien u jemmen fl-istess mira, tkun diġà qbadt nofs it-triq lejn is-suċċess.”

Huwa jħares ukoll lejn il-futur tal-klabb fl-iżvilupp ta’ dawn iż-żgħażagħ, fejn jemmen li hemm potenzjal kbir biex jiġu żviluppati dawn it-tip tal-plejers ikkunsidrati l-futur tal-klabb li eventwalment jidħlu fl-ewwel tim. “Il-futur ta’ klabb bħal tagħna jiddependi ħafna minn kemm ninvestu fiż-żgħażagħ. Irridu noħolqu triq ċara mill-akkademja sal-ewwel skwadra.”

Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, Micallef għandu fiduċja li Mġarr United jistgħu jsiru forza kompetittiva fil-futbol Malti jekk il-proġett jibqa’ miexi fid-direzzjoni t-tajba. “Għandna l-ambizzjoni, għandna l-istruttura u issa rridu nkomplu naħdmu b’konsistenza.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport