Friday, May 29, 2026

JIŻDIED L-INTERESS FIL-KANZUNETTA MALTIJA

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Jekk forsi għal xi żmien konna qegħdin naraw il-kanzunetta Maltija sejra lura jew li kienet qiegħda bil-mod tingħata l-ġenb, illum is-sitwazzjoni hi differenti. 

Proprju fit-22 ta’ Mejju li għadda ttella’ l-kunċert “L-Aqwa 20 tal-Maltin.” Dan il-kunċert, li sar fil-Pjazza San Ġorġ, il-Belt Valletta, ġibed lejh udjenza numeruża. 

Fil-fatt, mal-2,500 persuna nġabru fil-qalba tal-kapitali għal kunċert ta’ mużika Maltija organizzat mill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta. 

Il-kunċert kien jinkludi l-aktar għoxrin kanzunetta popolari miktuba u interpretati bil-Malti li nħarġu bejn l-1975 u l-2005. Dawn il-kanzunetti ġew interpretati live f’kunċert minn uħud mill-aktar kantanti lokali stabbiliti, akkumpanjati minn orkestra taħt id-direzzjoni tas-Surmast Paul Abela.

U waqt li konna qegħdin nisimgħu dawn il-kanzunetti li tant ferrħuna matul is-snin, forsi mhux dejjem nagħtu każ il-messaġġ. Forsi mhux dejjem nagħtu l-piż mistħoqq lir-realiżmu ta’ dik il-kanzunetta, jiġifieri meta l-kompożitur jippreżenta l-ħajja kif inhi tassew, b’mod naturali u realistiku mingħajr esaġerazzjonijiet. Qegħdin nitkellmu fuq problemi soċjali, emozzjonijiet umani, relazzjonijiet veri, faqar, inġustizzja u episodji mill-ħajja ta’ kuljum. 

Hemm imbagħad kanzunetti li jgħaqqdu is-soċjal mal-aspett nazzjonali. Ma setax jonqos li fil-kunċert ta’ ftit jiem ilu, titkanta ‘Tema 79”. Din hi kanzunetta meħuda mir-rock opera ‘Ġensa’ bi kliem ta’ Ray Mahoney u mużika ta’ Paul Abela. Din hi waħda mill-aktar kanzunetti Maltin li turi realiżmu soċjali u nazzjonali. Il-kanzunetta hi marbuta mal-istorja u l-identità tal-poplu Malti. It-tema prinċipali tal-kanzunetta hija l-ġlieda tal-poplu Malti għall-ħelsien, id-dinjità u l-identità nazzjonali. 

Għalhekk kunċerti bħal dawn u oħrajn, li fihom jinstemgħu kanzunetti Maltin, juruk li llum hemm interess kbir fil-kanzunetta Maltija. In-nies jattendu u jieħdu gost f’dawn is-serati. Min jitpaxxa fil-mużika, min bil-lirika, min bl-ispettaklu. Turija li l-kanzunetta Maltija għadha ħajja.  Qiegħda f’qalb il-poplu tagħna.

>> artiklu sħiħ f’IT-TORĊA ta’ nhar il-Ħadd li ġej

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport