Clyde Zahra kellu biss 16-il sena meta tressaq il-Qorti fuq akkużi ta’ droga u omiċidju involontarju. Għalkemm inħeles mill-akkużi fl-2013, kellu jistenna għaxar snin oħra biex jiġi deċiż l-appell tal-Avukat Ġenerali.
Raġel li qatta’ 17-il sena b’akkużi kriminali pendenti kontrih, minkejja li eventwalment inħeles minn kull akkuża, ingħata €17,000 f’kumpens wara li l-Qorti sabet li nkiser id-dritt fundamentali tiegħu għal smigħ fi żmien raġonevoli.
Clyde Zahra kellu biss 16-il sena meta fl-2006 tressaq il-Qorti akkużat b’reati relatati mat-traffikar u l-pussess tad-droga, kif ukoll b’omiċidju involontarju marbut ma’ overdose.
Seba’ snin wara, f’Diċembru 2013, il-Qorti tal-Maġistrati lliberatu mill-akkużi kollha. Madankollu, l-Avukat Ġenerali appella minn dik is-sentenza u l-proċeduri komplew għaddejjin għal kważi għaxar snin oħra.
Kien biss fit-30 ta’ Novembru 2023 li l-Qorti tal-Appell Kriminali kkonfermat il-ħelsien tiegħu minn kull akkuża.
F’sentenza mogħtija fit-12 ta’ Novembru, l-Imħallef Charmaine Galea, fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni kostituzzjonali tagħha, ikkonkludiet li dan id-dewmien kien irraġonevoli u kiser id-drittijiet fundamentali ta’ Zahra.
Appell jgħaddi minn taħt idejn erba’ mħallfin
Mill-eżami tal-proċeduri kriminali, il-Qorti sabet li l-appell tal-Avukat Ġenerali kien ġie ppreżentat f’Jannar 2014, iżda ma ġiex trattat qabel Jannar 2017.
Minn hemm ’il quddiem, il-proċess kompla jaffaċċja dewmien u differimenti, fosthom minħabba impenji oħra tal-Qorti u tibdil fl-imħallfin li kellhom jisimgħu l-każ.
Fil-fatt, l-appell għadda minn taħt idejn erba’ mħallfin differenti qabel ingħatat is-sentenza finali fl-2023.
Il-Qorti osservat li, għalkemm setgħu jinftiehmu ċerti diffikultajiet amministrattivi, dawn ma setgħux jiġġustifikaw appell li dam pendenti għal għaxar snin.
L-Imħallef Galea qieset ukoll li l-każ ma kienx jinvolvi kumplessità straordinarja li setgħet tispjega għaliex il-proċeduri damu daqshekk.
Id-difiża ma kinitx responsabbli għad-dewmien
Matul is-17-il sena ta’ proċeduri saru għexieren ta’ seduti, iżda tmien differimenti biss kienu ntalbu mid-difiża jew saru bi qbil bejn il-partijiet.
Il-Qorti sabet li l-biċċa l-kbira tad-dewmien kien ikkawżat minn ċirkostanzi li Zahra ma kellux kontroll fuqhom.
Għalkemm kien hemm perjodi ta’ inattività anke waqt il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Maġistrati, il-problema saret aktar serja fl-istadju tal-appell.
Il-Qorti saħqet li l-Istat għandu r-responsabbiltà li jorganizza s-sistema ġudizzjarja b’mod li l-kawżi jiġu deċiżi fi żmien raġonevoli.
Lanqas il-volum ta’ xogħol tal-qrati jew diffikultajiet amministrattivi ma jistgħu jeżoneraw lill-Istat minn dan l-obbligu.
Ma setax ikompli l-edukazzjoni tiegħu minħabba l-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest
Fis-sentenza tagħha, il-Qorti qieset ukoll l-effett li l-proċeduri ħallew fuq il-ħajja personali ta’ Zahra.
Meta ngħata l-ħelsien mill-arrest fl-2006, huwa kien inizjalment suġġett għal kundizzjoni li ma joħroġx mid-dar, bil-konsegwenza li ma setax ikompli bl-edukazzjoni tiegħu.
Għalkemm ma baqax arrestat matul il-proċeduri kollha, Zahra għex għal snin twal bl-inċertezza dwar l-eżitu tal-akkużi kriminali.
Il-Qorti kkunsidrat ukoll ċertifikat mediku minn psikjatra li kien jindika li Zahra baqa’ jbati minn ansjetà u diffikultajiet emozzjonali, marbuta fost oħrajn mat-tul tal-proċeduri.
L-Imħallef ikkonkludiet li kien hemm rabta reali bejn il-ħsara psikoloġika li sofra u d-dewmien fil-każ tiegħu.
€1,000 għal kull sena ta’ proċeduri
Meta ġiet biex tistabbilixxi l-kumpens, il-Qorti rreferiet għal sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar rimedji għal dewmien eċċessiv fil-ġustizzja.
L-Imħallef Galea ddeċidiet li Zahra għandu jingħata €1,000 għal kull waħda mis-17-il sena li damu għaddejjin il-proċeduri kriminali.
B’hekk, il-kumpens totali ġie stabbilit għal €17,000 bħala danni morali.
Il-Qorti ddikjarat li nkiser id-dritt ta’ Zahra għal smigħ xieraq fi żmien raġonevoli, kif protett kemm mill-Kostituzzjoni ta’ Malta kif ukoll mill-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.
L-Avukat tal-Istat ġie ordnat iħallas il-kumpens fi żmien xahar, filwaqt li l-ispejjeż tal-kawża tpoġġew ukoll fuqu.
