Il-Ministru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, Miriam Dalli, se tkun qed tirrappreżenta lill-Unjoni Ewropea waqt il-COP31, il-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima, li qed issir f’Antalya, it-Turkija, bħala negozjatur fuq l-adattament għat-tibdil fil-klima.
Il-Ministru Miriam Dalli ngħażlet flimkien mal-Ministru Olandiż biex ikunu konegozjaturi f’isem l-Unjoni Ewropea fuq dan il-qasam.
L-għażla tħabbret mill-Irlanda, li bħalissa għandha l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Malta se tkun parti minn tim ministerjali li se jaħdem flimkien mal-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri fuq diversi prijoritajiet. Dawn jinkludu t-tnaqqis tal-emissjonijiet, l-adattament għat-tibdil fil-klima, il-finanzjament għall-klima, it-tranżizzjoni ġusta u l-oċeani.
Il-parteċipazzjoni tal-Ministru Dalli f’din il-konferenza tkompli tibni fuq il-ħidma tagħha fil-qasam tal-klima fuq livell Ewropew u internazzjonali.
Fl-2024, waqt il-COP29 f’Baku, l-Ażerbajġan, u fl-2023, waqt il-COP28 f’Dubai, il-Ministru Dalli kienet ingħatat ir-responsabbiltà li tkun konegozjatur tal-Unjoni Ewropea dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima.
L-adattament għat-tibdil fil-klima jiffoka fuq kif il-pajjiżi jistgħu jippreparaw ruħhom aħjar għall-effetti tat-tibdil fil-klima u jindirizzaw l-isfidi li dawn iġibu magħhom. Għal pajjiżi żgħar u insulari bħal Malta, iż-żieda fit-temperaturi, in-nuqqas ta’ ilma u l-kundizzjonijiet estremi tat-temp joħolqu sfidi partikolari għall-infrastruttura, ir-riżorsi naturali u l-komunitajiet.
Il-Ministru Miriam Dalli sostniet li l-għażla ta’ Malta biex terġa’ tirrappreżenta lill-Unjoni Ewropea f’dawn in-negozjati hija rikonoxximent tal-ħidma u l-impenn kontinwu ta’ pajjiżna fil-fora Ewropej u dawk internazzjonali. Hija saħqet fuq l-importanza li pajjiżi żgħar bħal Malta jkollhom vuċi fid-diskussjonijiet fil-fora Ewropej u dawk internazzjonali, sabiex l-isfidi u r-realtajiet tagħhom jiġu kkunsidrati u l-impenji dwar il-klima jissarrfu f’azzjonijiet konkreti.
Il-COP31 bdiet fid-9 ta’ Novembru u se tibqa’ għaddejja sal-20 ta’ Novembru 2026. Il-konferenza tlaqqa’ rappreżentanti minn pajjiżi madwar id-dinja biex jiddiskutu l-azzjoni globali kontra t-tibdil fil-klima, it-tnaqqis tal-emissjonijiet u l-miżuri meħtieġa biex il-pajjiżi jadattaw għall-effetti tiegħu.
