Wednesday, December 25, 2024

€20,094 kumpens wara ħsarat fil-proprjetà tagħhom kawża ta’ żbroff ta’ drenaġġ

Aqra wkoll

Imħallef ordnat li jingħata kumpens ta’ €20,094 lil żewġ persuni wara li dawn sofrew ħsarat fil-proprjetà tagħhom minħabba dħul ta’ ilma u drenaġġ ikkaġunat minn ħsarat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma kienet responsabbli għalihom.

Carmen Zammit Grech ta’ 62 sena u Keith Zammit ta’ 40 sena kienu fetħu kawża fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili fejn talbu li jingħataw ħlas għad-danni li sofrew kawża ta’ ħsarat li kien hemm fis-sistema ta’ drenaġġ fi Triq it-Tagħlim, il-Fgura, fis-sena 2018.

Mix-xhieda mressqa u anke minn noti oħra li kienu ippreżentati mill-partijiet irriżulta b’mod ċar li ma kienx hemm kontestazzjoni dwar min kien responsabbli għall-ħsarat.

“Din il-Qorti għalhekk hi konvinta mill-provi miġjuba qudddiemha li l-Korporazzjoni intimata kienet responsabbli għall-ħsarat li ġew ikkawżati fil-fond proprjetà tar-rikorenti,” saħqet il-Qorti.

Li ma kienx hemm qbil huwa dwar l-ammont li kellu jitħallas għall-ħsarat ikkawżati fil-proprjetà tar-rikorrenti. Minn naħa waħda, ir-rikorrenti qegħdin jitolbu s-somma ta’ €55,000 abbażi tar-rapport tal-Perit inkarigat minnhom filwaqt li min-naħa l-oħra l-Korporazzjoni qiegħda tinsisti li l-ammont ta’ €17,600 kien wieħed ġust.

Dwar x’kienu jikkonsistu l-ħsarat, Keith Zammit xehed li kien hemm ħsarat ta’ madum, dawl, iżda l-akbar ħsara kien li tqatta’ l-membrane li hemm bejn l-appoġġi.

Jirriżulta mir-rapport tal-Perit Tekniku illi meta nżamm l-aċċess fil-15 ta’ Settembru 2021, ġie osservat li fil-livell tal-basement li kien qiegħed jintuża bħala hairdressing salon u fejn kien hemm il-ħsarat inkwistjoni illi: “Dakinhar tal-aċċess ma kienx hemm sinjali ta’ umdità la fil-ħitan u lanqas fl-art. Il-post kien miżmum fi stat tajjeb bis-servizzi kollha jiffunzjonaw.”

Mir-rapport tekniku u mix-xhieda mressqa, ġie ppruvat li fil-proprjetà tar-rikorrenti ġew ikkawżati ħsarat bħala riżultat ta’ ingress ta’ ilma u drenaġġ kkaġunat minn ħsarat li l-Korporazzjoni kienet responsabbli għalihom.

Min-naħa l-oħra, il-Qorti preseduta mill-Imħallef Audrey Demicoli, qablet ma’ dak li qalet il-Perit Tekniku li r-rikorrenti naqsu milli jippreżentaw prova dokumentarja ta’ kemm dam ma jintuża l-hairdressing salon waqt li kienu qegħdin isiru t-tiswijiet u kemm ir-rikorrenti tilfu introjtu ta’ kera f’dan il-perjodu.

Għaldaqstant ma setgħetx tkun f’pożizzjoni li tillikwida t-telf ta’ kera u kellha tistrieħ fuq l-istima mogħtija mill-Perit Tekniku ta’ €560 ikkalkolata bir-rata ta’ €10 għal kull ġurnata.

Kien għal dawn ir-raġunijiet li filwaqt li ddikjarat li l-Korporazzjoni li kienet responsabbli għall-ħsarat li sofew ir-rikorrenti, laqgħet in parte it-tieni talba tagħhom u ordnat li dawn jingħataw €20,094 bħala kumpens għad-danni li sofrew.

Carmen Zammit Grech kienet assistita mill-Avukat Dr Josephine Farrugia Mifsud.

Ekonomija

Sport