Il-president ta’ La Liga, Javier Tebas, talab għal kontrolli aktar stretti biex tiġi protetta l-“integrità” tal-football, wara rapporti li Manchester City instabu ħatja li kisru r-regoli finanzjarji tal-Premier League.
Iċ-chairman ta’ Manchester City, Khaldoon Al Mubarak, irreaġixxa għar-rapporti tal-midja li l-club instab ħati ta’ 114 minn 115-il akkuża relatata ma’ ksur tar-regoli finanzjarji. Is-Sibt, huwa insista li l-club huwa innoċenti.
Is-City ġew akkużati li naqsu milli jipprovdu informazzjoni finanzjarja preċiża jew dettalji dwar pagamenti lill-players u lill-coaches, li kisru r-regoli dwar is-sostenibbiltà finanzjarja, kif ukoll li ma kkooperawx ma’ investigazzjoni.
“Dak li reġa’ ġara juri li l-kontrolli ekonomiċi, it-trasparenza u l-istess regoli għal kulħadd huma essenzjali biex jiġu protetti l-integrità u s-sostenibbiltà tal-football,” kiteb Tebas fuq il-midja soċjali.
Tebas qal li kien wieħed minn dawk li, fl-2017, tkellmu dwar l-hekk imsejjaħ “doping finanzjarju”, b’referenza għall-clubs bħal Manchester City u Paris Saint-Germain li jistgħu jibbenefikaw mir-riżorsi ekonomiċi enormi tal-pajjiżi tal-Golf biex isaħħu l-ambizzjonijiet kompetittivi tagħhom.
Il-president ta’ La Liga spiss ġie akkużat li qed jipprova jipproteġi l-vantaġġ finanzjarju tal-ġganti Spanjoli Real Madrid u Barcelona, li skont Forbes u Deloitte huma l-aktar żewġ clubs sinjuri fid-dinja.




