Saturday, May 4, 2024

€2,500 multa għal qtil involontarju b’jet ski

Aqra wkoll

Żagħżugħ Olandiż ta’ 21 sena li nstab ħati li b’mod involontarju kkaġuna l-mewt ta’ sieħbu wara inċident bil-jet skis kien immultat €2,500 wara li l-Qorti kkunsidrat li l-vittma kellu sehem f’dak li ġara billi naqas milli josserva d-distanza ta’ 100 metru skont kif stipulat mir-regolamenti li kienu mogħtija lilu meta kera l-jet ski.

Filwaqt li l-familja tal-vittma ma xtaqitx li l-akkużat ma jiġix penalizzat għal dak li ġara, b’danakollu l-Qorti qalet li ma setgħetx ma tinnutax li kien hemm traskuraġni min-naħa tal-imputat li kkaġunat il-mewt ta’ persuna oħra. 

Il-każ seħħ fil-15 ta’ Awwissu tal-2018, għall-ħabta tat-3.00 p.m., fil-bajja ta’ San Ġorġ, San Ġiljan meta tliet żgħażagħ Olandiżi – l-imputat Gerrit Van der Veen, il-vittma Mart de Ruiter ta’ 19-il sena u ħabib tagħhom Hendrik Sasbrink – krew jet ski kull wieħed mill-azjenda Sun & Fun Water Sports.

Hemmhekk huma ngħataw formola stampata bil-lingwa Olandiża li fiha kien hemm lista ta’ struzzjonijiet u regolamenti dwar l-użu tal-jet skis, fosthom il-prekawzjonijiet li għandhom jittieħdu waqt is-sewqan fuq il-baħar.

X’ħin l-imputat u sħabu kienu qed isuqu dawn il-jet skis, seħħet ħabta bejn il-jet ski misjuq minn Van der Veen u dak misjuq minn Mart De Ruiter, bil-konsegwenza li dan tal-aħħar waqa’ fil-baħar u tilef ħajtu. 

Mill-provi li tressqu fil-Qorti jirriżulta illi l-imputat u sħabu kienu għamlu lejl barra fil-ġurnata ta’ qabel fejn l-imputat xorob bejn 10 u 15-il flixkun birra qabel mar jorqod għall-ħabta tas-1.00 a.m. 

Għalkemm ma rriżultax li l-imputat u sħabu kienu xorbu l-alkoħol dakinhar tal-inċident, il-kampjun tan-nifs tal-imputat, analizzat ftit tal-ħin wara l-inċident li fih miet De Ruiter, ipproduċa riżultat li wera li l-proporzjon tal-alkoħol fin-nifs tiegħu kien jeċċedi l-limitu stabbilit mil-liġi. 

Wara li semgħet ix-xhieda tal-imputat, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello, qalet li jirriżulta li kien l-imputat li baqa’ dieħel fil-jet ski tal-vittma u mhux bil-kontra. 

Minkejja li ma ġiex ippruvat li Van der Veen kien qed isuq b’veloċità eċċessiva, irriżulta iżda li l-veloċità baxxa ma kinitx biżżejjed biex tipprevjeni impatt ta’ qawwa suffiċjenti li effettivament ikkaġuna l-mewt tal-vittma.

Minn dawn il-provi, il-Qorti qalet li kien ippruvat li l-vittma miet għaliex il-jet ski misjuqa minn Van der Veen baqa’ dieħel fil-jet ski tiegħu u laqtu f’wiċċu u geddumu u kkaġunatlu frattura fil-kranju. 

Il-Qorti osservat li minkejja li l-imputat ra u b’hekk kien konxju li l-vittma kien ġej minn warajh u kien jinsab f’distanza qasira minnu fuq in-naħa tax-xellug, l-imputat iddeċieda li jdur f’dik l-istess direzzjoni mingħajr ma għamel sinjal lis-sewwieq ta’ warajh. 

“Kien altru minn prevedibbli li manuvra bħal dik setgħet tikkaġuna riskju ta’ inċident għaliex fiha nnfisha setgħet tfixkel lis-sewwieq l-ieħor li kien qed javviċina lill-imputat minn wara,” qalet il-Qorti. 

Kien għalhekk li l-Qorti saħqet li hi konvinta li kienet din il-manuvra ta’ Van der Veen imwettqa fiċ-ċirkostanzi u b’nuqqas ta’ osservanza tar-regoli imposti għas-sewqan tal-jet ski, li kkaġunat l-inċident li wassal għall-mewt ta’ De Ruiter. Qieset ukoll li dan l-inċident seta’ ġie evitat f’dan il-każ li kieku Van der Veen eżerċita l-kawtela u prudenza.

Fl-istess ħin, il-Qorti nnutat ukoll li kien hemm element ta’ kontributorjetà min-naħa tal-istess vittma għall-inċident li fih huwa tilef ħajtu. Dan hekk kif ma kienx qiegħed iżomm id-distanza stipolata mir-regolamenti mogħtija lilu meta kera l-jet ski. 

Qabel ġiet biex tagħti s-sentenza, il-Maġistrat Montebello rat ukoll stqarrija mill-familjari tal-vittma, fejn jintqal li l-impatt psikoloġiku kien wieħed kbir ħafna mhux biss fuqhom iżda wkoll fuq l-imputat Gerrit van der Veen. 

“Bħala familjari tal-vittma, nemmnu li kulħadd ħa ġie kkastigat. Gerrit diġà ġie kkastigat biżżejjed bit-telfa traġika ta’ sieħbu. Jekk ser tikkundannah, aħna bħala familjari tal-vittma, inħossuna kkastigati saħansitra aktar.”

Min-naħa tagħha, il-Qorti qalet li dan kien inċident sfortunat li ħalla konsegwenzi traġiċi u biex issir ġustizzja, ma kellhiex tmur għall-estremi tal-liġi u tapplika l-piena ta’ priġunerija effettiva.

Il-Qorti sabet lil Gerrit van der Veen ħati li b’negliġenza kkaġuna l-mewt ta’ sieħbu, iżda mhux li kien qed isuq jet ski waqt li kien taħt l-effett tax-xorb minħabba li ma kinux ġew akkwiżiti l-ebda provi oħra li juru li ma kienx f’kundizzjoni li jsuq. Huwa kien ikkundannat multa ta’ €2,500 u ordnat iħallas €1,221 rappreżentanti żewġ terzi tal-ispejjeż tal-Qorti.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetur Leeroy Balzan Engerer.

Sport