Monday, December 9, 2024

€3.3 miljun għar-riabilitazzjoni ta’ Wied il-Għasel

Aqra wkoll

Fil-bidu ta’ Ġunju li għadda ngħata l-bidu għall-proġett ta’ riabilitazzjoni ta’ Wied il-Għasel fil-limiti  tal-Mosta u tan-Naxxar, it-tieni l-akbar wied f’Malta, bi spiża li mistennija tilħaq €3.3 miljun. €2  miljuni minnhom huma finanzjament min-naħa tal-Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal Konsumatur bil-kumplament ġejjin mill-fondi ta’ koeżjoni tal-Unjoni Ewropea. Il-proġett, li l implimentazzjoni tiegħu hija f’idejn Parks Malta, entità fi ħdan il-Ministeru għat-Turiżmu u l Protezzjoni tal-Konsumatur, mistenni jitlesta sa tmiem is-sena li ġejja. 

Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli, il-Ministru għat Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi  Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi żaru parti mill-wied fejn għaddej ix-xogħol. 

L-ewwel xogħol li sar kien ir-restawr tal-ilqugħ tal-ilma li kien diġà jeżisti filwaqt li nbeda x-xogħol  biex jitneħħew madwar 45,000 metru kubu ta’ materjal li nġema’ fil-wied tul is-snin. Sadanittant  inbeda x-xogħol biex jinbnew sitt ilqugħijiet ta’ ilma li għandhom żewġ għanijiet, li jiżdied il potenzjal li jkun assorbit aktar ilma tal-pjan u li jnaqqas kemm jista’ jkun il-possibbiltà ta’ għargħar  fiż-żona agrikola ta’ Burmarrad. 

Għaddej ukoll xogħol fuq ir-restawr tal-ħitan tal-ġnub tal-wied, ir-restawr ta’ ħitan tas-sejjieħ u t tneħħija ta’ siġar u ta’ pjanti invażivi. B’riżultat ta’ dan se jkun qed jinħoloq spazju biex jitħawlu  aktar minn 800 siġra indiġina u ftit inqas minn 3,000 arbuxell. Dan ix-xogħol se jkun qed jinkludi  wkoll l-installazzjoni ta’ sistema ta’ irrigazzjoni. 

“Minkejja ċ-ċokon ta’ pajjiżna, il-pajsaġġ li għandna u l-widien tagħna għandhom ħafna x’joffrulna.  Hija l-intenzjoni tagħna li postijiet bħal dawn jitgawdew kemm jista’ jkun mill-familji Maltin u  Għawdxin. Għal dan l-għan, f’kull wied, inkluż f’Wied il-Għasel, se jinħolqu spazji u faċilitajiet fejn  ikunu jistgħu jsiru picnics filwaqt li tul il-passaġġi se jkun hemm ukoll bankijiet. F’dinja mgħaġġla  bħal din li qed ngħixu fiha huwa tassattiv li l-familji jfittxu żvog f’ambjent sigur u san. Il-widien  tagħna għandhom iservu għal żvog bħal dan u ninsabu kommessi li nipprovdu dawn il-faċilitajiet”, qalet il-Ministru Farrugia Portelli. 

“Il-proġett ta’ Wied il-Għasel mhux l-uniku wieħed tax-xorta tiegħu. Permezz ta’ Parks Malta qed nagħtu dehra ġdida lil diversi widien, kif juru x-xogħlijiet li saru f’Wied Għomor, fil-limiti tas-Swieqi  u ta’ San Ġwann, Wied Garnaw f’Santa Luċija, Wied il-Fiddien fir-Rabat u Wied ir-Rum f’Ħad-Dingli. Huwa proġett immirat għall-widien kollha f’Malta u Għawdex”, ikkonkludiet il-Ministru  Farrugia Portelli. 

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg qal, “Il-widien huma parti  importanti mill-pajsaġġ Malti, mhux biss għax jagħtuna pulmun fil-qalba tal-lokalitajiet tagħna iżda  għax għandhom ukoll funzjoni importanti għall-ħażna u għall-immaniġġjar tal-ilma tax-xita.  Għalhekk ninsab kburi u kuntent li d-Dipartiment għax-Xogħlijiet Pubbliċi qed iwettaq it-twessigħ  tal-wied filwaqt li jtejjeb u jsebbaħ l-infrastruttura tal-wied f’dan il-proġett importanti li mhux biss  se jwassal biex ikollna inqas ħela tal-ilma iżda se joħloq ukoll aċċessi aħjar għall-bdiewa tal-inħawi  u faċilitajiet għar-rikreazzjoni fil-kampanja, bħal passaġġi għall-mixi u picnic areas. Fl-aħħar mill-aħħar dan il-proġett se jagħti lil Wied il-Għasel il-ġieħ li jistħoqqlu. Jeħtieġ li naħdmu flimkien biex  nikkonservaw il-widien tagħna u naraw li l-infrastruttura tagħhom għadha adekwata għall-ħtiġijiet  tal-klima u tal-pajsaġġ Malti”. 

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi qal li proġetti bħal dawn  jiffurmaw parti mill-istrateġija tal-Unjoni Ewropea li qed tenfasizza li l-iżvilupp għandu jkun wieħed  sostenibbli. Qal li din timxi id f’id mal-viżjoni tal-gvern li jrid ikompli jinvesti aktar fis-sostennibbiltà tal-ambjent u f’aktar spazji miftuħa. Żied jgħid li dan huwa investiment b’fondi Ewropej għal skop  ekoloġiku hekk kif ir-riġenerazzjoni ta’ Wied il-Għasel se tilħaq miri importanti mhux biss għax qed  isebbaħ il-wied iżda wkoll il-mira li nsalvaw l-ilma. “Permezz ta’ dan il-proġett qed inkomplu nħarsu  waħda mill-aktar riżorsi importanti għal pajjiżna li hija r-riżorsa tal-ilma”. 

Preżenti għal din il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll l-uffiċjal inkarigat mill-Valley  Management fi ħdan Parks Malta, Alex Borg Galea, flimkien mad-direttur Ivan Farrugia li spjegaw  fid-dettall ix-xogħlijiet li diġà saru hawnhekk. Preżenti kien hemm ukoll is-Sindku tal-Mosta Romilda  B. Zarb u membri oħra mill-kunsill. 

Ekonomija

Sport