Saturday, May 18, 2024

Prestazzjoni b’saħħitha tal-atleti Maltin fil-Kampjonati Dinjija tan-Nofs Maratona

Aqra wkoll

Minkejja l-kesħa Baltika fil-belt ta’ Gydnia, fil-Polonja, ir-rappreżentanti Maltin fil-Kampjonati Dinjija tan-Nofs Maratona għamlu unur għal pajjiżna bi prestazzjoni mill-aqwa qalb uħud mill-aqwa atleti fid-dinja fid-distanza.

It-tim nazzjonali Malti, li żanżan kit ġdid għall-okkażjoni, kien iffurmat minn Joelle Cortis, Lisa Bezzina, Stefan Azzopardi u Charlton Debono. Minħabba r-restrizzjonijiet marbuta mal-Covid-19, it-tellieqa fuq distanza ta’ 21.1km saret f’żona ristretta tal-belt, u li t-300 atleta internazzjonali li ħadu sehem daru għal erba’ darbiet. Ir-rotta kienet tikkonsisti f’ħafna tidwir li jagħmluha diffiċli biex jinksibu rekords matulha.

Kienet ġurnata memorabbli għal Joelle Cortis, omm ta’ tlieta, li rritornat għall-kompetizzjonijiet internazzjonali mat-tim Malti wara 11-il sena, li kisbet Personal Best ta’ 1’19”28, titjib ta’ aktar minn minuta fuq il-ħin preċedenti tagħha. Lisa Bezzina, dejjem konsistenti fil-prestazzjonijiet tagħha kellha prestazzjoni formidabbli li saħansitra spiċċat bi sprint kontra r-rivali tagħha minn Ċipru. Hija temmet in-Nofs Maratona f’ħin ta’ 1’18”43. 

Fit-tellieqa tal-irġiel, Stefan Azzopardi u Charlton Debono ġrew għal 15-il km flimkien, sakemm Debono, li għandu esperjenza sostanzjali fil-kamp internazzjonali – b’tal-lum ikun it-tielet Kampjonat Dinji għalih – iżid fir-ritmu fl-aħħar fażi tat-tiġrija.  Debono temm it-tellieqa f’ħin ta’ 1’08”51, l-aqwa ħin għalih dan l-istaġun u t-tieni l-aqwa fil-karriera f’rotta uffiċjali. Azzopardi temm f’1’09”18, li kien Personal Best għalih.

Ir-rebbieħa tal-Kampjonati Dinjija din is-sena kienu Jacob Kiplimo tal-Uganda u Peres Jepchirchir tal-Kenja.

Fl-ewwel reazzjoni tiegħu, Andy Grech, President ta’ Athletics Malta, ikkumenta: “Illum rajna prestazzjoni inkreddibli mill-erba’ atleti tagħna. Dan meta tqis li sa ftit xhur ilu lanqas konna nafu hux se jsir dan l-avveniment jew le. 

Minkejja d-diffikultajiet kollha li kellna din is-sena, Athletics Malta stinkat biex twassal lill-atleti nazzjonali fl-aħjar kundizzjoni possibbli. Ir-riżultati miksuba llum huma ta’ livell għoli – u għalkemm ma nħobbx inġib skużi – huwa fatt li r-rotta ma kienet xejn faċli, b’ħafna tidwir u partijiet fejn l-elevazzjoni tat-triq kienet għolja sew. Ċert li fuq rotta aktar ideali konna naraw rekords nazzjonali jinkisru wkoll”.

Sport