Sunday, May 19, 2024

€7,800 f’multi fuq ksur ta’ liġi dwar l-iskart

Aqra wkoll

Waqt l-ewwel seduta tal-Bord tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) għal din is-sena, kienu kkonfermati €7,800 f’multi għal erba’ ksur ta’ liġi dwar l-iskart. Dawn il-multi kienu riżultat ta’ investigazzjoni u monitoraġġ kontinwu, li juru l-impenn tal-ERA għas-sostenibbilità ambjentali u r-rimi xieraq tal-iskart.

L-uffiċjali tal-ERA kienu qabdu fil-fatt żewġ persuni jarmu friġġ u kartun f’żona tal-Ħandaq f’Ħal Qormi. L-Awtorità imponiet multa ta’ €1,400 għal dan l-att li jagħmel ħsara sostanzjali lill-ambjent. 

Każ ieħor kien jinvolvi r-rimi ta’ skart tal-kostruzzjoni, bl-ERA jirċievu filmat li wassal biex jiġi indentifikat l-persuna konċernata, u li kellu jneħħi l-konkos frisk, sorveljat mill-uffiċjali tal-istess Awtorità. Huwa kien immultat €4,000. 

F’żewġ każi oħra, żewġ persuni weħlu €1,200 kull wieħed – l-ewwel wieħed talli rema skart maħruq fi skip tal-metall u l-ieħor talli qabbad skart imħallat. 

Fi stqarrija, l-ERA ħeġġet lill-pubbliku sabiex jirrapporta r-rimi illegali tal-iskart permezz tat-telefon fuq 2292 3500 jew permezz tal-portal online ERIS.

Sport