Ebda indikazzjoni li Cardona ħallas xi flus

... ikompli l-ġuri dwar il-qtil tal-ġurnalista Caruana Galizia

0
1

Hekk kif dalgħodu kompla l-kontra eżami fuq ix-xhieda tal-Assistent Kummissarju Arnaud dwar il-qtil tal-ġurnalista Caruana Galizia, l-avukat tad-difiża, De Marco staqsiet jekk ittiħidx il-mobile ta’ Chris Cardona fost persuni oħra. Arnaud jgħid li Cardona flimkien ma’ nies oħra bħal David Gatt ġew mistoqsija dwar il-każ però l-mowbajl tagħhom ma ttiħidx.

De Marco tistaqsi wkoll jekk Arnaud bħala parti mill-investigazzjoni ħax il-mobile tal-Kummissarju Lawrence Cutajar, Arnaud jgħid li ma kienx hemm raġuni għaliex. 

Huwa nnota li b’rabta mal-leaks talab investigazzjoni lis-superjuri tiegħu. Kien tim ta’ investigaturi ieħor li nvestiga l-leaks, filwaqt li Arnaud enfasizza li hu kien responsabbli mill-investigazzjoni tal-omiċidju u fuq dik il-bażi ma kienx hemm lok li jittieħed tali mowbajl.

Imkien ma rriżulta li Chris Cardona ħallas €50,000 għal qtil ta’ Caruana Galizia

Waqt il-kontra eżami l-Assistent Kummissarju Arnaud jiġi mistoqsi għal allegat flus li ħallas Chris Cardona biex tinqatel il-ġurnalista. 

Hawn ix-xhud jgħid li b’differenza għall-impressjoni li qed tagħti l-avukat tad-difiża, intqal li Chris Cardona ħallas €50,000 għal qtil ta’ Caruana Galizia f’komplott ieħor. Arnaud jenfasizza li dan il-fatt ma kienx ikkorrobat. Hu jikkrafika wkoll li wieħed mill-aħwa Degiorgio kien għamel din id-dikjarazzjoni.

Fil-kontra eżami Arnaud jikkjarifika wkoll li Cardona kien mitkellem mill-Pulizija f’Novembru tal-2019 filwaqt li l-komplott tal-2015 kien totalment differenti minn dak li seħħ fl-2017, l-unika ħaġa li kien komuni kien li l-eżekuturi kienu l-istess nies.

Arnaud jgħid li l-unika flus li l-aħwa Degiorgio ħadu kienu dawk mingħand Melvin Theuma.

Arnaud qatt ma talab data tal-laptop ta’ Caruana Galizia għax kien għaddiha binha Matthew

Id-difiża ta’ Fenech mill-ġdid tistaqsi lill-Assistent Kummissarju dwar il-laptop ta’ Caruana Galizia. 

Arnaud jgħid li l-informazzjoni mil-laptop kienet mgħoddija minn Matthew Caruana Galizia, iżid li hu ma kellu l-ebda dubju f’Matthew Caruana Galizia minħabba li kien it-tifel tal-vittma. Arnaud jgħid li ma talabx għad-data għaliex kien Matthew li pprovdihielu.

De Marco tistaqsi wkoll dwar il-mowbajl ta’ Caruana Galizia. Arnaud jikkjarfika li kien tniżżel xi informazzjoni minn fuqu minn espert lokali u mhux mill-FBI li kienu responsabbli għal data ċellulari.

Ra biċċiet ta’ vetturi u biċċiet ta’ ġisem uman

Intant, wara li ntemm il-kontra eżami tal-Assistent Kummissarju Arnaud, isejjaħ it-tieni xhud f’dan il-ġuri. Is-Supretendent Antoine Cilia, li dak iż-żmien kien Spettur fl-RIU jagħti rendikont minn x’ħin daħlet it-telefonata sa x’ħin anke wasal fuq il-post.

Fil-Qorti Cilia jippreżenta r-rapport li kien għamel dwar dan id-delitt u jibda jispjega li kien hemm call permezz tar-radju tas-servizz li kien hemm raġel li ċempel li kien għadu kemm ra karozza tisplodi fil-limiti tal-Bidnija. Intqal li l-ewwel vettura kienet waslet fuq il-post fit-tlieta u għaxra ta’ waranofsinhar u kien fiha tliet uffiċjali tal-Pulizija.

Ix-xhud jgħid li kien wasal fuq il-post fit-tlieta u 19-il minuta. Jixhed ukoll li fuq il-post kien ra vettura fuq ix-xellug li kienu qed jitfu n-nar li ħakimha u xi postijiet oħra fejn qabad xi ħaxix. Jixhed li kien hemm ħofra żgħira fit-triq fejn splodiet il-karozza.

Hu kompla jgħid li ra biċċiet ta’ vetturi u biċċiet ta’ ġisem uman. Aktar tard kien ra Assistent Kummissarju fejn kien qed jipprova jikkalma argument li fosthom kien hemm Matthew Caruana Galizia u terza persuna li akkuża lil Galizia li kissirlu l-mowbajl għax kien ħa xi ritratti t’ommu.

Cilia aktar tard jgħid li ra aktar biċċiet fosthom il-pjanċa tal-karozza, aktar biċċiet ta’ ġisem uman. Il-karozza kienet maħruqa totalment, bis-saqaf kien mgħolli kawża tal-isplużjoni u ġol-karozza kien hemm ġisem maħruq, bl-iskanetru biss kien għad fadal.

Cilia jixhed li Matthew Caruana Galizia kien aġitat u kien qallu wkoll li kien hemm persuna li ħadet ritratt t’ommu. L-argument kien batta ftit tal-ħin wara. Fuq il-post imbagħad waslu membri mill-Bomb Disposal Unit tal-Forzi Armati ta’ Malta li bdew l-ewwel investigazzjonijiet tagħhom.

Ix-xhud kompla jgħid ukoll li kien hemm xi persuni li nqabdu ġewwa ż-żona tad-delitt u li ġew maħruġa b’mod ordnat biex ma jagħmlux ħsara lill-provi. Cilia jixhed ukoll li kien ħalla karozza li kienet ‘on patrol’ hemmhekk u hu telaq minn fuq il-post ftit tal-ħin li waslet l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera.

Il-Prosekuzzjoni tirreferi għal dokument ieħor, li juri rapport bl-Ingliż li dwar dak li kien seħħ, apparti minn hekk f’dokument ieħor juri lista tal-vetturi tal-RIU li kienu marru fuq il-post. Dan flimkien ma’ lista ta’ uffiċjali tal-Pulizija li kienu xogħol. Dokument ieħor juri l-lista ta’ vetturi li kienu fuq xogħol matul il-ġurnata. 

Dokument ieħor juri lista ta’ persuni bid-dettalji tal-persuni li nqabdu fuq il-post. Qed jiġu ppreżentati għadd ta’ ritratti li Cilia kien ħa, fosthom ritratt ta’ ġewwa tal-karozza, tal-vettura minn barra u parti kbira ta’ ġisem uman, fost l-oħrajn.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here