Studenti tal-MCAST jesebixxu t-talent tagħhom fil-Malta Fashion Week

0
2

Il-Ministru Byron Camilleri jżur lill-istudenti qabel il-wirja tagħhom u jfaħħar il-ħiliet, il-kreattività u l-kwalità tal-edukazzjoni vokazzjonali

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport, Byron Camilleri, żar lill-istudenti tal-MCAST li temmew l-Advanced Diploma in Fashion Design qabel il-wirja tagħhom waqt il-Malta Fashion Week 2026, fejn kellu l-opportunità jiltaqa’ magħhom u jsegwi mill-qrib il-preparamenti tagħhom qabel ippreżentaw il-kollezzjonijiet finali tagħhom.

Ħames studenti ppreżentaw il-kollezzjonijiet tagħhom bħala parti mill-Malta Fashion Week, inizjattiva li għal sena oħra qed tkompli ssaħħaħ ir-rabta bejn l-edukazzjoni u l-industrija kreattiva, filwaqt li toffri lill-istudenti esperjenza professjonali li tgħinhom jagħmlu l-ewwel passi tagħhom fid-dinja tax-xogħol.  

Il-Ministru Byron Camilleri qal li din l-esperjenza hija xhieda tal-kwalità tal-edukazzjoni vokazzjonali u tal-opportunitajiet li qed jingħataw lill-istudenti biex jiżviluppaw il-potenzjal tagħhom.

“Fl-MCAST qed naraw edukazzjoni li tmur lil hinn mill-klassi u tħejji lill-istudenti għad-dinja tax-xogħol. Dawn iż-żgħażagħ qed juru t-talent, il-kreattività u l-ħiliet li kisbu matul il-kors tagħhom fuq pjattaforma professjonali, filwaqt li qed jagħmlu l-ewwel passi fil-karriera tagħhom. Huwa permezz ta’ opportunitajiet bħal dawn li nkomplu nibnu edukazzjoni li tagħti fiduċja, tiftaħ il-bibien u tħeġġeġ lill-istudenti jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom,” qal il-Ministru Camilleri.

Il-Ministru faħħar ukoll l-impenn tal-MCAST u tal-Malta Fashion Week li, permezz tal-kollaborazzjoni tagħhom, qed ikomplu joħolqu opportunitajiet għall-istudenti biex jesponu x-xogħol tagħhom quddiem professjonisti, rappreżentanti tal-industrija, il-midja u l-pubbliku. Huwa saħaq li dawn l-esperjenzi huma kruċjali biex l-istudenti jiksbu mhux biss il-ħiliet tekniċi, iżda wkoll il-kunfidenza u l-esperjenza meħtieġa biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol.

Il-Fundatur u l-Produttur Eżekuttiv tal-Malta Fashion Week Adrian Mizzi saħaq li l-avveniment mhux biss joffri pjattaforma lil disinjaturi stabbiliti, iżda jagħti wkoll importanza kbira lit-talent emerġenti. Huwa spjega li kull sena, ġurnata minn Malta Fashion Week hija ddedikata għall-istudenti li jiggradwaw fil-kors tal-Fashion Design tal-MCAST, sabiex ikollhom l-opportunità jippreżentaw il-kollezzjonijiet tagħhom fuq catwalk professjonali. Mizzi żied li s-settur tal-moda jinkludi diversi dixxiplini li flimkien jiffurmaw industrija kreattiva b’saħħitha, u sostna li l-edukazzjoni tibqa’ l-pedament biex jinbena s-suċċess tal-ġenerazzjonijiet futuri.

Min-naħa tiegħu, il-ħajjat u disinjatur Isaac Fenech, li ggradwa mill-MCAST sentejn ilu u qed jipparteċipa fil-Malta Fashion Week, qal li l-edukazzjoni li rċieva fl-MCAST, flimkien mal-opportunitajiet offruti mill-Malta Fashion Week, għenuh jiżviluppa l-ħiliet tiegħu u jwettaq il-ħolma li jibni karriera professjonali fl-industrija tal-moda.

Il-Malta Fashion Week ilha għal diversi snin tikkollabora mal-MCAST billi tipprovdi pjattaforma professjonali lill-istudenti tal-aħħar sena tal-Advanced Diploma in Fashion Design, filwaqt li toffrilhom mentoring u gwida matul il-preparamenti sabiex jesperjenzaw il-proċessi u l-istandards professjonali tal-industrija tal-moda. Din is-sena, il-ħames studenti – Gillian Grech, Matthias Psaila, Selena Mallia, Mikaela Vella u Maria Pia Falzon – ippreżentaw kollezzjonijiet li jirriflettu l-kreattività, il-ħiliet tekniċi u l-identità artistika tagħhom, filwaqt li taw prova tal-livell għoli ta’ taħriġ li qed jingħata fl-MCAST.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here