Saturday, May 4, 2024

“Ebda rwol fl-assassinju… l-Istat għandu jerfa’ r-responsabbilità”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Ippubblikata l-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia

F’rapport ta’ 437 paġna, il-Bord tal-Inkjesta fuq il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia kkonkluda li l-Istat Malti ma kellu ebda rwol fl-assassinju imma għandu jerfa’ r-responsabbilità għall-qtil tal-ġurnalista. Dan minħabba li nħolqot atmosfera ta’ impunita.  L-inkjesta tgħid li tittama li l-qtil  “għallimna lezzjoni u wieħed jawgura u jistenna li f’dan il- kuntest qiegħed isir progress. Is-sinjali huma f’din id-direzzjoni.”

Ir-rapport ta’ inkjesta jiddikjara li “filwaqt li ma rriżultat ebda prova li l-iStat bħala tali kellu xi rwol fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia,  l-iStat għandu jerfa’ r-responsabbilità għall-assassinju billi ħoloq atmosfera ta’ impunità, ġenerata mill-għola livelli fil-qalba tal-amministrazzjoni f’Kastilja u bħal qarnita infirxet għal entitajiet oħra bħal istituzzjonijiet regolatorji u l-Pulizija. Dan wassal għall-kollass tas-saltna tad-dritt u għalhekk l-iStat u l-entitajiet li kkomponewh ma għarafx kif kellu jagħraf ir-riskju reali u immedjat, inkluż mill-aġir kriminali ta’ terzi għall-ħajja ta’ Daphne Caruana Galizia. Barra minnhekk naqas  milli jieħu miżuri fi ħdan il-firxa tas-setgħat tiegħu li, b’ġudizzju raġonevoli, kien mistenni minnu li jieħu biex jevita dak ir-riskju.”

L-inkjesta iddikjarat li “l-provi kollha f’din l-inkjesta jwasslu għall-konvinzjoni illi l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia huwa intrinsikament jekk mhux esklussivament marbut max-xogħol investigattiv tagħha, b’allegazzjonijiet ta’ irregolaritajiet u abbużi amministrattivi fit-twettieq ta’ proġetti ta’ żvilupp maġġuri li fihom kienu involuti elementi ta’ negozju kbir fil-pajjiż.” 

Kien il-Prim Ministru li filgħodu ħabbar li rċieva r-rapport u li kien se jippubblikah

Kien il-Prim Ministru Robert Abela li ħabbar li rċieva ir-rapport ta’ inkjesta u li kien se jippubbikah. Hu kiteb lill-Ispeaker tal-Parlament, Anglu Farrugia biex għada filgħodu jitlaqqa’ l-Parlament biex jiddiskuti dan ir-rapport. 

F’ittra separata mibgħuta lill-Kap tal-Oppożizzjoni l-Prim Ministru informa lil Bernard Grech b’dan kollu. Abela spjega li r-riformi li saru fl-aħħar xhur saħħew l-istituzzjonijiet, il-proċessi li jwasslu għall-ġustizzja u l-qafas demokratiku ta’ pajjiżna.

Abela temm isostni li dawn il-bidliet pożittivi għandhom ikollhom l-appoġġ wiesgħa fejn l-interess nazzjonali jerbaħ fuq il-partiġġjaniżmu.

Il-qtil seħħ għax l-istituzzjonijiet iddgħajfu

Ir-rapport ta’ inkjest jgħid li “l-iStat falla u l-ħasra u traġedja għall-pajjiż hi li dan in-nuqqas gravi ma seħħx biss minħabba xi ineffiċjenza jew traskuraġni ta’ xi elementi fl- amministrazzjoni pubblika. Seħħ għax l-istituzzjonijiet iddgħajfu, għax saru intolleranti għall-kritika jew għax elementi fl-amministrazzjoni pubblika u fin-negozju ħassewhom mhedda minn dak li l-ġurnalista assassinata kienet qed tiżvela jew kienet ser tiżvela. Kif ingħad ippruvaw il-mezzi kollha biex isikktuha u jġiegħluha tieqaf milli tkompli bix-xogħol fejjiedi tagħha. Meta xejn u ħadd ma rnexxielu jsikkitha kien hemm min ħass li ma kienx hemm triq oħra ħlief li jeliminaha fiżikament. Għażel li jagħmel dan b’arma tipika u bil-metodu klassiku wżat minn organizzazzjonijiet mafjużi biex jeħilsu mill- maġistrati li kienu qegħdin jinvestigawhom.”

Tgħid ukoll li “fil-kors ta’ din l-inkjesta xehdu ħafna ġurnalisti u edituri ewlenin li wħud minnhom offrew ix-xhieda tagħhom spontanjament biex informaw lill-Bord fl-iStat li kienet fiha il-professjoni tagħhom, x’kienu n-nuqqasijiet l-aktar gravi li kienu qegħdin jiffaċċjaw u għamlu bosta rakkomandazzjonijiet kif il-ġurnaliżmu f’Malta seta’ jitpoġġa fuq sisien sodi kif jixraq f’pajjiż demokratiku kif wkoll taw ħjiel ta’ xi miżuri operazzjonali li għandhom jittieħdu biex jipproteġu lill-ġurnalisti minn theddid, fastidju u riskju għall-inkolumità u mhux biss.”

Rakkomandazzjonijiet mill-inkjesta

L-inkjesta tagħmel għadd ta’ rakkomandazzjonijiet  fosthom li li l-Pulizija u kull awtorità oħra regolatorja involuta għandhom jissoktaw bl-investigazzjonijiet tagħhom biex jidentifikaw il-persuni kollha b’xi mod involuti fl-assassinju u jassiguraw li kollha jirrispondu għal għemilhom quddiem il-Qrati. Din l-inkjesta wriet li għad baqa’ x’jiġi indagat u mhux kollox hu ċert u finalizzat. Il-Bord jifhem li dan qiegħed isir u hekk jindikaw ir-riżultati.”

Il-bord ta’ inkjesta jirrakkomanda li “għandhom jiġu introdotti emendi fil-liġi kriminali, dawk li jirregolaw istituzzjonijiet finanzjarji u oħrajn biex jiġi assigurat li ma jiżviluppax stat ta’ “de facto” impunità li l-Bord stabilixxa li seħħ f’dan il-każ. Emendi fil-liġijiet li jistgħu jgħinu mhux ftit biex jikkontrastaw il-mentalita’ li wieħed jista’ jevadi liġijiet u anke jwettaq ċerti delitti serji għax ikun f’pożizzjoni ta’ poter, politiku jew ekonomiku jew għax ikun parti minn organiżżazzjoni kriminali protetta minn dan il-poter. F’dan ir-rigward hu essenzjali li l-liġijiet jipprovdu li l-politika ta’ sanzjonar ta’ irregolaritajiet u illegalitajiet tkun ridotta għall-minimu u każijiet eċċezzjonali. Min jikser il-liġi għandu jsofri l-konsegwenzi tal-għemil tiegħu, m’għandux ikollu l-aspettattiva li bil-flus jissana dak li bil-liġi ma kellux dritt għalih. Hija din il-mentalita’ prevalenti fis-soċjetà li ssaħħaħ l-arroganza ta’ min għandu poter politiku u ekonomiku. Hi ż-żerriegħa li tnibbet il-korruzzjoni.”

L-inkjesta tgħid li “jeħtieġ li inforzar ta’ liġijiet u regolamenti li diġa jeżistu jiġu fejn hemm bżonn emendati biex isiru aktar rigorużi u sewwa applikati ħalli jiġi evitat l-abbuż. Fost dawn il-Bord jindika t-tisħiħ tal-liġi tal-Whistle Blower, dik tal- finanzjament tal-Partiti, l-liġijiet li jirregolaw l-għoti ta’ kuntratti nklużi tenders u direct orders. Il-liġijiet għandhom jassiguraw li m’għandux ikun permess n-negozjar bil-moħbi bejn l-amministratur pubbliku u nies fin-negozju. Speċjalment għandu jiġi projbit kull kuntatt magħhom fuq investiment proġettat permezz ta’ komunikazzjoni li ma jkunx governattiv u uffiċjali. Essenzjali wkoll li jiġi regolat b’liġi lobbying speċjalment fejn dan jinvolvi kuntratti ma’ investituri u negozjanti biex jippromwovu inizjattivi u proġetti. Il-Bord jifhem li din il- materja qiegħda diġa fl-attenzjoni tal-awtoritajiet kompetenti. Il-qrubija żejda man-nies tan-negozju li tista’ tagħti lok għal kuntatti improprji għandha tiġi regolata. Il-mentalità li mill-kuntatti personali, ħbiberiji u familjarità jekk mhux komunjoni ta interess wieħed jista’ jakkwista dak li m’għandux dritt għalih, trid tiġi eradikata.”

L-inkjesta tirrakkomanda riformi leġislattivi għat-tisħiħ tas-Saltna tad-Dritt  u dan billi jkun hemm ħtieġa ta’ liġi li tikkumbatti l-kriminalità finanzjarja inkluż tixħim u korruzzjoni permezz ta’ “Unexplained Wealth Orders” fejn ġie trattat it-tieni terminu ta’ referenza. Tgħid li għandu jiġi maħluq reat speċifiku għal meta persuna b’kariga pubblika tfixkel jew tittanta tfixkel lill-Pulizija jew awtoritajiet oħra fil-qadi ta’ dmirijiethom fosthom investigazzjonijiet ta’ reati.

Tisħaqq li hemm bżonn li jiġi introdott reat simili għall-artikolu 416 bis tal-Kodiċi Kriminali Taljan li jikkontempla r-reat ta’ “di associazione di stampo mafioso”. Tgħid ukoll li jiddaħħal fil-Kodiċi Kriminali Malti r-reat ġdid ta’ “Abbuzo d’Ufficcio” li jsir minn uffiċjal pubbliku jew inkarigat minn servizz pubbliku fil-qadi ta’ dmirijietu jew fl-eserċizzju tal-funzjonijiet tiegħu.

L-inkjesta tgħid li hemm lok ta’ revisjoni tal-liġi tal-Avukat Ġenerali biex jiġu implimentati għal kollox ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja għal dak li jirrigwarda l-kontroll sħiħ tal-investigazzjoni ta’ reati gravi flimkien mal-Pulizija kif ukoll li hu stess jibda investigazzjoni.

Ir-rapport jgħid li  x-xhieda quddiem il-Bord juru ħtieġa li jiġi introdott fil-liġi kriminali r- reat ta’ ostruzzjoni tal-ġustizzja simili għal dak ta’ “obstruction of justice” f’ħafna kodiċijiet esteri. Dana b’penalitajiet adegwati li jkopri wkoll it- tentattiv ta’ “depistaggio”; Tenfasizza li hemm bżonn ta’ provvedimenti leġislattivi u fil-Kodiċijiet tal-Etika biex jilqgħu għal-imġieba mhux xierqa ta’ uffiċjali pubbliċi fil-qadi ta’ dmirijiethom.

Tisħaq li ‘l-aqwa protezzjoni li għandha tingħata lil min ikun espost għall-riskju gravi huwa li l-Pulizija tkun f’posizzjoni li tidentifika l-kawża ta’ dak ir-riskju biex tkun tista’ tilqa’ għalih. Fil-każ tal-ġurnalista dan ifisser, fost ħwejjeġ oħra, investigazzjoni tempestiva u effettiva tal-kawża ta’ dak ir-riskju jew riskji. Biex dan ikun jista’ jseħħ, jeħtieġ li jkun hemm struttura ad hoc fil-Korp tal- Pulizija.” 

Aktar protezzjoni lill-ġurnalisti

L-inkjesta tisħaq li għandu jkun hemm aktar protezzjoni tal-ġurnalisti  u tisħaq li “hemm il-ħtieġa li fi ħdan il-Pulizija jkun hemm struttura formali li permezz tagħha tkun tista’ b’mod regolari u sostnut, tidentifika liema persuni, u mhux biss ġurnalisti, jkunu għal xi raġuni esposti għal attakki serji ta’ kull xorta li jistgħu jeskalaw għal vjolenza fiżika. Dan l-apprezzament ma għandux jibqa’ kif inhu sallum riservat għall-Kummissarju tal-Pulizija. Għandu jkun hemm unit speċjalizzat b’nies imħarrġa kapaċi jidentifikaw liema persuni jkunu f’riskju, jagħmlu apprezzament oġġettiv ta’ dak ir-riskju, il-kawżi li jkunu qed joħolquh u kif dan jirrelata mal-professjoni u/jew xogħol tal-persuna f’riskju. Dan il-unit operazzjonali speċjalizzat ikun simili għall-oħrajn illi diġa jeżistu fil-Korp biex jagħtu protezzjoni lil kategoriji oħra ta’ persuni vulnerabbli.”

Intqal li “hu meħtieġ illi f’unit bħal dan ikun hemm element illi jiffoka fuq ġurnalisti illi jistgħu jkunu f’riskju gravi. Element kapaċi illi japprezza r-riskju fl-isfond tal-kwalità tal-investigazzjoni li jkun qed jikkonduċi ġurnalista, dak li jkun qiegħed jippubblika, l-effett fuq il-persuni jew organiżazzjonijiet li jkunu fil-mira tal-investigazzjoni tiegħu kif ukoll ir-riskju attwali jew potenzjali li tali reazzjoni tista’ toħloq. Dan il-unit jista’ jservi ta’ kuntatt immedjat bejn il-Pulizija u l-ġurnalista li b’hekk iħossu sigur u protett illi jaqdi dmirijietu b’mod ħieles. Miżura operazzjonali oħra li l-Pulizija jeħtieġ tieħu mhux biss biex tnaqqas l-element ta’ riskju imma wkoll biex tivvaloriżża x-xogħol tal- ġurnalista bħala kontributur ewlieni fil-ġlieda kontra l-abbuż u l-kriminalita’, huwa l-investigar tempestiv ta’ allegazzjonijiet serji li jkunu qed jiġu magħmulha bħala riżultat tal-investigazzjoni tal-ġurnalisti.” 

Intqal li “I-Bord wasal għal konkluzjoni illi dan in-nuqqas tal-Pulizija, imma wkoll ta’ awtoritajiet regolatorji oħra, li tempestivament u b’mod effikaċi jintervjenu biex jinvestigaw allegazzjonijiet magħmulha minn ġurnalista illi kienet “an open source” għalihom, iffavorixxa t-twettiq tal-assassinju. Hu raġonevoli li wieħed jassumi illi kieku ttieħdu l-passi li kellhom jittieħdu fil-mument opportun kienu jiġu sewwa mnaqqsa, jekk mhux għal kollox eliminati l-elementi ta’ atti illeċiti jew illegali li kkawżaw l-iskalar tar-riskju għall-ħajja tal-ġurnalista assassinata. Hu fatt li għal raġuni jew oħra l-Pulizija f’dan il-każ naqsu li jidentifikaw min u x’kienet il-kawża li ħolqu dan ir-riskju gravi u imminenti. 

Il-bord jgħid li “l-Pulizija u l-awtoritajiet regolatorji mhumiex hemm biex jiddefendu lil dawk fil-poter jew li jostru għemilhom. Ma għandhomx allura jqisu lill-ġurnalisti, speċjalment dawk li jazzardaw jinvestigaw aġir li għalihom jidher skorrett jew suspett bħala għedewwa. Kellhom għall-kuntrarju jfittxu illi joħolqu pontijiet u mezzi ta’ kuntatt bejnhom u bejn il-ġurnalisti biex sa fejn hu possibbli u fil-parametri permessi, jissuktaw l-investigazzjonijiet tagħhom biex jivverifikaw il-kredibbilità u l-veraċità tal-allegazzjonijiet gravi li spiss joħorġu mill-investigazzjonijiet tal- ġurnalisti.” 

Rigward it-tisħiħ tal-ġurnaliżmu fil-pajjiż, l-inkjesta tgħid li “għandu jiġi konsidrat jekk hemmx lok illi tiġi emendata l-Kostituzzjoni biex fl-artikoli illi jirrigwardaw il-libertà tal-espressjoni jiġi rikonoxxut li l- ġurnaliżmu ħieles huwa wieħed mill-pilastri tas-soċjetà demokratika u li l-iStat għandu l-obbligu li jiggarantih u jipproteġih. Emenda li għandha wkoll tirrikonoxxi d-dritt ta’ individwu li jirċievi minn għand l-iStat u l-amministrazzjoni pubblika l-informazzjoni u li l-iStat u l-awtoritajiet pubbliċi huma obbligati li jagħtu tali informazzjoni. Dana naturalment taħt kawteli u riservi li jkunu speċifikati fl-istess provvediment.”

Tgħid ukoll li “ jiġi suġġerit illi biex jassigura livell għoli ta’ ġurnaliżmu u l-osservanza, anke minn ġurnalisti, tal-prinċipji ta’ etika li jiggvernaw il-professjoni, jinħoloq l-Uffiċċju ta’ Ombudsman jew Kummissarju għal etika ġurnalistika li jkun indipendenti u fuq l-istess linji tal-Kummissarju għall-Istandrads fil-Ħajja Pubblika. Din l-awtorità tkun għal kollox awtonoma u imparzjali u jkollha l-funzjoni illi timplimenta liġijiet u regolarmenti maħsuba biex iħarsu l-ħelsien tal-media, l-inkolumità tal-ġurnalisti u d-dritt għall-informazzjoni. Tkun punt ta’ riferenza għal ġurnalisti li jkunu jixtiequ direzzjoni jew protezzjoni imma wkoll mezz kif tiġi assigurata l-osservanza mill-ġurnalisti tar-Regoli tal-Etika u aġir korrett fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom. 

Tisħaq li “għandu jkun assigurat li l-professjoni tal-ġurnalisti tkun awtoregolata fuq l-istess liġi li liġijiet oħra irregolaw professjonijiet oħra bħal accountants, periti, spiżjara eċċetra. Tista’ tiġi wkoll fdata bil-ħarsien tal- istandards etiċi tal-professjoni b’poteri li tieħu wkoll miżuri dixxiplinari fejn ikun il-każ u dan kif indikat fir-rakkomandazzjonijiet ta’ qabel. Importanti f’dan il-kuntest li kull Bord jew awtorità li jkollha din il-funzjoni tkun għal kollox indipendenti u awtonoma anke mill-lat finanzjarju.”

Tgħid ukoll li “l-Bord hu tal-fehma li l-iStat jeżamina fil-fond l-istat tal-ġurnaliżmu u eserċizzju tal-jedd fondamentali tal-libertà tal-espressjoni bil-għan li r-rakkomandazzjonijiet ta’ dan il-Bord, fost oħrajn, jiġu implimentati f’qafas ħolistiku u organiku immirat ukoll biex il-professjoni tal-ġurnalisti tingħata rikonoxximent li jistħoqqilha u jingħata valur li x-xogħol li jagħmlu fl-interess tad-demokrazija. Eżerċizzju dan li jista’ jimporta emendi fil-Kostituzzjoni u fil-Liġijiet, immirati wkoll biex jassiguraw protezzjoni adegwata u sostenn lill-professjoni.”

L-Istat għandu jirrikonċilja mal-familja tal-ġurnalista maqtula

L-inkjesta ikkonkludiet tgħid li “l-Gvern għandu jqis li jieħu dawk il-passi kollha xierqa u opportuni biex jassigura li l-iStat jirrikonċilja mal-familja tal-ġurnalista assassinata biex b’hekk jagħti bidu għall-fejqan tal-ġerħa gravi u trawmatika li minnha għadda u għadu qed igħaddi l-pajjiż.” 

Sport