Il-Ministri Anton Refalo u José Herrera żaru l-Kunsill Lokali taż-Żejtun fejn waqt konferenza stampa mas-Sindku Doris Abela inawguraw l-14-il edizzjoni ta’ Żejt Iż-Żejtun. Dan huwa avveniment kulturali annwali mistenni ħafna speċjalment mill-komunità Żejtunija. Minħabba s-sitwazzjoni tal-pandemija tal-COVID-19, din is-sena l-avveniment se jsir xorta waħda bejn is-26 ta’ Ottubru u t-30 ta’ Ottubru, imma b’differenza mis-snin ta’ qabel.
Il-Ministru Refalo faħħar l-inizjattiva tal-kunsill lokali u ħeġġeg lill-pubbliku biex jipparteċipa fil-kompetizzjonijiet li hemm, fosthom dik tat-tisjir għall-komunità u għat-tfal tal-iskola primarja b’kompetizzjoni marbuta mal-isem taż-Żejtun kif ukoll dwar edizzjonijiet li saru fil-passat. Se jkun hemm ukoll seminar onlajn dwar il-kultivazzjoni tas-siġra taż-żebbuġ.
Il-Ministru Herrera qal li huwa importanti li l-kunsilli lokali jagħmlu l-almu tagħhom biex jippreservaw it-tradizzjonijiet agrikoli tagħhom. Sostna li ż-żebbuġ huwa sinonimu maż-Żejtun u għaldaqstant huwa sinifikattiv ħafna li l-Kunsill Lokali taż-Żejtun ikompli jippromwovi l-industrija taż-żejt taż-żebbuġ sabiex b’hekk isaħħaħ l-identità tal-belt tiegħu.