Sunday, May 19, 2024

“Ejja nagħtu s-sehem tagħna biex flimkien nieħdu ħsieb l-ambjent”

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Green Pass – proġett pilota favur l-ambjent li jibda mid-djar tagħna

F’dawn il-ġranet f’Ħ’Attard, Burmarrad, il-Mosta, l-Imdina u l-Bidnija beda proġett pilota favur l-ambjent imniedi mill-membru parlamentari u kandidat Laburista, Anthony Agius Decelis. Fid-djar tal-11 distrett qiegħed jitqassam fuljett dwar l-inizjattiva “Green Pass” li għandha tliet għajniet prinċipali – dik li jonqos l-użu tal-plastik fil-ħajja ta’ kuljum, jonqos l-iskart domestiku, kif ukoll li jinħolqu modi innovattivi ta’ reċiklaġġ f’pajjiżna.

F’kumment li ta’ lil Talk.mt Agius Decelis qal li huwa jemmen li meta bħala poplu naħdmu flimkien, ikollna riżultati sbieħ. “Jekk kulħadd jagħti s-sehem tiegħu fejn jidħol it-tnaqqis tal-iskart u tal-plastik nemmen li nkunu qegħdin nagħmlu differenza mhux biss differenza fil-preżent, iżda ukoll fit-tul. Jekk inqajmu kuxjenza, iżda wkoll nieħdu azzjoni, id-differenza li se nħallu se tkun ambjent aħjar għalina, iżda mhux biss, ambjent aħjar ukoll għal ġenerazzjonijiet futuri,” spjega l-kandidat Laburista.

L-inizjattiva “Green Pass” qiegħda tħeġġeġ lill-familji Maltin biex bi sforz kollettiv jonqos it-tniġġis tal-ambjent mill-iskart inkluż dak mill-plastik u l-fuljett fid-djar se jkomplu jitqassmu sal-ġimgħa d-dieħla. Agius Decelis żied li, “b’dan il-proġett pilota se niġbru informazzjoni minn dawk li jipparteċipaw u se nkunu nistgħu naqsmu flimkien ideat prattiċi, kif ukoll l-esperjenzi tagħna. Il-ħidma prinċipali hija li flimkien innaqsu l-konsum tal-plastik u l-iskart ħalli nħarsu l-ambjent ta’ madwarna. Dan għal ġid tagħna u ta’ wliedna. Għaldaqstant inħeġġeġ lil kulħadd jissieħeb ma’ din il-kampanja biex flimkien nagħmlu differenza”.

Agius Decelis temm ifakkar li l-ambjent ta’ madwarna huwa wirt kollettiv li writna mingħand missirijietna, liema wirt se jiġi mgħoddi wkoll lil uliedna u wlied uliedna. Għaldaqstant, jeħtieġ nagħtu s-sehem tagħna biex nieħdu ħsieb l-ambjent bl-aħjar mod possibbli.

Kull min huwa interessat jissieħeb f’din il-kampanja jista’ jċempel fuq 79555799 jew [email protected] 

Sport