Tuesday, April 16, 2024

“Il-Karnival, il-festi u t-tiġijiet il-bombi tagħna… nittamaw li nirkupraw”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Il-ħanut bdieh missieri. L-ewwel kien jaħdem ma’ missieru Triq San Pawl fil-Belt stess, iżda meta tfarfar ta’ xi 16-il sena sab dan il-post, krieh u beda għal rasu.

Qabel kien fuq stationary, iżda dak iż-żmien kien hawn ħafna affarijiet tqal bħalma kienu l-boċċi, żibeġ tal-ħġieġ u affarijiet ta’ dak iż-żmien. Dan il-ħanut għandu 60 sena u l-affarijiet kif qegħdin taraw inbidlu u hawnhekk issibilna varjetà kbira fejn jidħol materjal relatat ma’ din il-linja.

Aħna qegħdin tliet aħwa, jiena Eric, ħija Jean Bernard u ħija l-ieħor Pierre Yve. Illum il-ġurnata qegħdin it-tlieta f’dan ix-xogħol, iżda naqsmu x-xogħol għax ftaħna ħanut ieħor f’Raħal Ġdid.

Missieri kien wieħed minn tal-ewwel b’dan it-tip ta’ ħanut, għamel ħajtu kollha hawnhekk u llum allajbierku għadu jagħmel xogħol minn wara l-kwinti f’garaxx li għandu aktar aċċessibbiltà. Jippakkja diversi affarijiet li jinbigħu hawnhekk. Il-pandemija qisha kompliet waqqfitu milli jiġi hawnhekk. Li kien għalih jiġi hawnhekk kuljum, imma għalih iebsa biex jidħol s’hawnhekk minħabba li jrid jimxi ħafna u dik m’għadhiex xi ħaġa possibbli sfortunatament. Kien imur Raħal Ġdid, iżda minħabba l-pandemija naqqas ux għax aħna jkollna kuntatt kontiwu mal-klijenti tagħna.

Bħala bejgħ, bħal ħafna ħwienet oħrajn naqas minn meta feġġgħet il-pandemija. Kien hemm żmien fejn konna nagħmlu deliveries lil dawk li kienu biex ngħidu hekk magħluqin fir-residenzi tagħhom biex jgħaddu ż-żmien. L-agħar kien żmien il-lockdown. In-nies mhux qegħdin jiġu jixtru, iżda nispera li mar-rilaxx tal-miżuri nkunu nistgħu nirkupraw.

Il-Karnival, il-festi u t-tiġijiet huma l-bombi tagħna u ħafna mill-introjtu tagħna ġej minn hemm. It-turisti sparixxew wara l-ewwel ġimgħa ta’ Diċembru kif bdew jiżdiedu l-każi. Jekk jibdew jiżdiedu t-turisti, anke jekk ma jkollhom bżonn xejn, meta jaraw dan it-tip ta’ ħanut kif qiegħed fuq stil antik xorta waħda jittawlu u jixtru xi ħaġa.

B’għafsa ta’ qalb ikolli ngħid li ftit ftit dawk in-nies li kienu jħitu qabel qegħdin ikomplu jonqsu. Il-Maltin llum m’għadhomx iħitu bħal qabel, saħansitra għandek dawk li meta tmurilhom buttuna jaqbdu u jarmuh flokk. Dawk li fadal ġeneralment l-etajiet ivarjaw minn 40 sena ’l fuq. Il-klijenti tajbin li kellna qabel, illum kibru u waqfu. Żgħar ftit li xejn jaħdmu f’din il-linja.”

Eric Galea, wieħed mit-tliet ulied tal-ħanut Victor Galea HABERDASHERY fil-Belt Valletta

Ekonomija

Sport