Pajjiż jevolvi u jibqa’ jikber ekonomikament u anki soċjalment kemm il-darba jagħraf il-prijoritajiet tal-mument. Jekk ma jweġibx għalihom billi jkun ambizzjuż, allura jistaġna fl-istatus quo.
Dan rajnieh b’mod ċar fi żmien l-aħħar amministrazzjoni Nazzjonalista fejn il-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien kien iktar mehdi kif se jikkalibra għal kunflitt intern li donnu baqa’ ma waqaf qatt f’dik li llum hi fl-Oppożizzjoni milli fid-direzzjoni ekonomika li ngħidu x’ngħidu, hija fattur importanti tal-qagħda tan-nies u l-pajjiż.
Illum nitkellmu fuq tkabbir ekonomiku iżda nħarsu wkoll li dan jinkiseb fi żmien ta’ prijoritajiet ġodda fosthom l-ambjent u l-qalba diġitali. Dawn huma prijoritajiet ġusti li l-pajjiż għandu jħares lejhom. In-negozji jistgħu jimirħu, aktar start-ups jistgħu jitwieldu, l-investiment jista’ jitkattar imma dan isir fi sfond ta’ prijoritajiet ġusti.
Nifhmu li l-ekonomija trid tikber biex ikompli jinħoloq il-ġid. Il-ħolqien tal-ġid u t-tqassim tiegħu fost kulħadd jibqa’ parti fundamentali fis-suċċess ta’ pajjiż. Dik hi l-ġustizzja soċjali. Toħloq il-ġid fost kulħadd u twieżen lil min għandu l-aktar bżonn.
Nemmnu li dan qed jiġri f’pajjiżna fosthom b’aktar żidiet; lill-pensjonati, lill-familji fiċ-children’s allowance, bit-twessigħ tal-in-work benefit u aktar għajnuna lill-first-time buyers.
Dawn huma possibbli għax pajjiżna jiflaħ, għax Malta għandha ekonomija b’saħħitha u allura rridu nifhmu li r-rota ekonomika hija importanti li ddur iżda iva, nifhmu wkoll li din trid iddur f’konformità mal-prijoritajiet il-ġodda li għandu l-pajjiż.
Quddiem dan kollu ma nistgħux ma nsemmux id-diskors li għamel il-Prim Ministru Robert Abela meta kien qiegħed jindirizza rally f’Kordin nhar il-Ħadd, fejn fih immarka l-ħames snin tiegħu fit-tmexxija tal-partit u fit-tmun ta’ dan il-pajjiż.
Naqblu ma’ dak li qal, li l-viżjoni ta’ Malta 2050 hija importanti biex pajjiżna jibqa’ l-aqwa fl-Ewropa, biex jinkisbu miri diġitali u ambjentali u biex ikollna pajjiż isbaħ. Insemmu wkoll lil Għawdex, li f’sena waħda biss il-ġid nazzjonali ras għal ras kiber iktar milli kien kiber f’ħames snin ta’ amministrazzjoni Nazzjonalista.
Nemmnu għalhekk li Għawdex se jkun qiegħed iservi ta’ mudell ta’ żvilupp ekonomiku u ta’ bażi għal dak li se jsir f’Malta. Dan għaliex il-Partit Laburista dejjem baqa’ jiġġedded u joffri tama għal futur mill-aqwa.