Jurgen Pisani ġie kkundannat 15-il xahar ħabs wara li nstab ħati li offra flus lil plejer avversarju biex ma jiskorjax.
Il-każ jirrigwardja partita bejn Santa Luċija FC u Birkirkara FC, li kienet intlagħbet fit-3 ta’ Mejju 2024.
Din il-logħba kienet partikolarment importanti għal Santa Luċija, li kienu qed jippruvaw jevitaw ir-relegazzjoni, filwaqt li Birkirkara kienu diġà kisbu l-kwalifikazzjoni għall-kompetizzjonijiet Ewropej. Il-logħba spiċċat fi draw ta’ 2-2.
L-istriker ta’ Birkirkara, Maxuell Maia, magħruf bħala “Samurai”, xehed li waqt il-logħba, Jurgen Pisani, li kien qed jilgħab qribu, avviċinah diversi drabi u offrielu €2,000 biex ma jiskorjax.
Jurgen Pisani, li kien il-captain tat-tim ta’ Santa Luċija, kien ukoll uffiċjal pubbliku. Kien għalliem tal-edukazzjoni fiżika seconded mal-Kumitat Olimpiku Malti (MOC) u kien ukoll coach f’nursery f’Ħal-Għaxaq. Il-Qorti nnotat li dan l-irwol twaqqaf wara li tressqu l-akkużi.
Skont Maia, Pisani kien jinsisti fuq tweġiba ċara, u baqa’ jistaqsih “yes or no” waqt li kien jgħatti ħalqu b’idu biex ma jinqabadx.
Dawn il-mistoqsijiet, qal Maia, seħħew tliet darbiet waqt il-logħba.
Ix-xhud qal ukoll li qatt ma aċċetta jew wieġeb għall-offerta.
“That was not nice of you”
Qabel dan, Maia xehed li plejer ieħor ta’ Santa Luċija, Steve Pisani, kien avviċinah u qallu biex ma jiskorjax.
Steve Pisani ammetta li tkellem ma’ Maia iżda sostna li kien qed jiċċajta u li dduskuta biss bonus miegħu – “How much you are running today? Mela you have a bonus”.
Madankollu, Maia qal li ħassu offiż, speċjalment peress li kienu jafu lil xulxin, u rrimarka li qallu: “That was not nice of you”.
Maia qal li tilef ir-rispett lejn Steve Pisani. Għalih kienet kwistjoni ta’ unur, u ħadha ma’ Steve Pisani anke minkejja dan ma offrilux flejjes.
Wara li semgħet il-provi, il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech warrbet it-teżi tad-difiża li Maia ma kienx jifhem jew jitkellem sew bl-Ingliż u li allura seta’ fehem ħażin. Qalet li ma hemmx bżonn “xi diploma jew O’Level” biex tifhem offerta ta’ €2,000.
Qalet li Maia kien kapaċi jikkomunika bl-Ingliż kemm mal-pulizija kif ukoll ma’ uffiċjali tal-klabb, u kkonkludiet li dan l-argument “ma jagħmilx sens u ma jawgurax tajjeb għat-tfittxija tal-verità”.
Kien għalhekk li Jurgen Pisani nstab ħati ta’ manipulazzjoni ta’ avveniment sportiv u kien ikkundannat 15-il xahar priġunerija effettiva. Huwa kien ukoll skwalifikat milli jipparteċipa f’avvenimenti sportivi għal 10 snin waqt li l-Qorti ordnat l-interdizzjoni perpetwa tiegħu.
Il-Qorti ordnat ukoll li tintbagħat kopja tas-sentenza lill-Kummissarju tal-Pulizija sabiex Steve Pisani jiġi investigat dwar sperġur.
Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur Wayne Rodney Borg.

