Thomas Vella, eks nutar ta’ 36 sena residenti l-Mosta ġie kkundannat 7 snin ħabs u mmultata €150,000 wara li ammetta li żamm għalih €660,000.
Hu kellu l-warrant meħuda mill-Kunsill Notarili f’Diċembru 2016 wara li kien ammetta għal akkużi ta’ frodi u miżapproprjazzjoni.
Vella kien akkużat li bejn Jannar 2016 u Diċembru 2019, żamm għalih flus ta’ klijenti; li wettaq frodi b’dannu għall-istess klijenti; li bħala uffiċjal pubbliku naqas minn dmirijietu; li wettaq ħasil ta’ flus; li għamel użu ħażin minn flejjes tal-Gvern; li bħala uffiċjal pubbliku wettaq reat li kellu jevita u li naqas li jħallas it-taxxa dovuta.
Quddiem il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia, il-Prosekuzzjoni u d-difiża qablu li f’każ li jammetti għandu jiġi kkundannat 7 snin ħabs u multa ta’ €150,000. Huma qablu li għandu jiġi skwalifikat għal dejjem min-nutar.
Wara li Vella ammetta, il-Qorti sabitu ħati għall-akkużu kollha ħlief dik li wettaq frodi. Il-Qorti qablet ukoll mal-piena li kienet miftema bejn il-Prosekuzzjoni u d-difiża.
Il-Qorti ordna wkoll li jkollu kkonfiskat is-somma ta’ madwar €660,000 biex iħallas lill-klijenti dan l-ammont; ordnat l-iskwalifika perpetwa milli jkun jista’ jikseb warrant biex jaħdem ta’ nutar; ordnat ukoll l-interdizzjoni ġenerali perpetwa tiegħu kif ukoll ordnat ukoll lid-Direttur tal-Uffiċċju tal-Irkupru tal-Assi biex jistħarreġ lil Vella.
Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispetturi Rennie Stivala u Joseph Xerri.