Wednesday, October 14, 2026
Home Sport Balthasar Jiddomina u Jirbaħ il-Yachting Malta Coastal Race

Balthasar Jiddomina u Jirbaħ il-Yachting Malta Coastal Race

0
45

Il-Yachting Malta Coastal Race bdiet skont il-programm nhar l-Erbgħa 14 ta’ Ottubru, fuq rotta ta’ 30 mil nawtiku li bdiet mill-Port ta’ Marsamxett, daret madwar Kemmuna u ntemmet lura f’Marsamxett. It-tellieqa, li saret tlett ijiem qabel il-bidu tas-47 edizzjoni tar-Rolex Middle Sea Race, offriet lill-ekwipaġġi opportunità biex jirfinaw il-ħiliet kompetittivi tagħhom qabel it-tellieqa ta’ 606 mili nawtiċi madwar Sqallija.

B’riħ li laħaq veloċità ta’ 25 mil nawtiku fis-siegħa, il-Yachting Malta Coastal Race offriet spettaklu ta’ tlielaq b’veloċità għolja f’kundizzjonijiet eċċitanti. Il-Mills 72 Balthasar ta’ Filip Balcaen, kiseb kemm l-unur tal-ewwel dgħajsa li spiċċat it-tellieqa (line honours), kif ukoll ir-rebħa fil-klassifika ġenerali skont is-sistema IRC. Id-dgħajsa laħqet veloċità ta’ aktar minn 10 mili-nawtiċi fis-siegħa kontra r-riħ u sa 20 mil nawtiku fis-sieħga bir-riħ favorevoli.

Bouwe Bekking ikkummenta: “Illum kellna opportunità eċċellenti biex nittestjaw id-dgħajsa u l-ekwipaġġ. Kollox u kulħadd qed jaħdem kif suppost, u dan jagħtina fiduċja kbira qabel it-tluq tas-Sibt. Id-dgħajsa qed tagħti prestazzjoni tajba, l-ekwipaġġ qed jaħdem flimkien b’mod eċċellenti, u qed inħarsu ’l quddiem b’entużjażmu lejn ir-Rolex Middle Sea Race.”

Wara Balthasar, il-Botin 65 Artemis Bleu ta’ James Neville temm fit-tieni post fil-klassifika ġenerali, 8 minuti u 55 sekonda wara skont il-ħin korrett tal-IRC. It-TP52 Arkas Blue Moon ta’ Bernard Arkas, immexxi minn Serhat Altay, kiseb it-tielet post, 2 minuti u 13-il sekonda oħra warajh.

Fir-raba’ post overall spiċċat Elusive 2, ta’ Christoph, Aaron u Maya Podesta. Il-jott Jubatus ta’ Sean Borg temm fil-ħames post, 40 sekonda biss wara skont il-ħin korret. Elusive 2 kienet l-aqwa dgħajsa Maltija fil-klassifika IRC.

IRC Klassi 2/3

L-ewwel tliet postijiet fil-klassifika ġenerali kienu wkoll l-ewwel tliet postijiet fil-Klassi IRC 2/3, b’Balthasar quddiem Artemis Bleu u Arkas Blue Moon fit-tielet post.

Il-Class40 Moonpalace ta’ Michal Krysta kienet l-unika dgħajsa li kkompetiet fil-Klassi IRC 3, u temmet ir-rotta f’4 sigħat, 2 minuti u 58 sekonda.

IRC Klassi 4 – Elusive 2 l-Aqwa Dgħajsa Maltija

Elusive 2, id-dgħajsa tal-familja Podesta, kisbet ir-rebħa fil-Klassi IRC 4, filwaqt li kisbet ukoll l-unur tal-aqwa dgħajsa Maltija. Il-jott Jubatus ta’ Sean Borg, spiċċa 40 sekonda biss warajha skont il-ħin korrett, kisbet it-tieni post fil-klassi u l-ħames post fil-klassifika ġenerali. Ton Ton Laferla ta’ Jonathan Gambin ħadet it-tielet post tal-klassi.

Aaron Podesta kkummenta: “Kienet ġurnata mill-isbaħ fuq il-baħar abbord Elusive. L-ekwipaġġ ħadem tajjeb flimkien u l-kundizzjonijiet kienu eċċellenti. Kienet opportunità tajba ħafna biex nittestjaw id-dgħajsa qabel it-tellieqa tas-Sibt, filwaqt li sibna r-ritmu tagħna bħala tim u rfinajna xi dettalji. Issa qed inħarsu ’l quddiem lejn it-tluq il-kbir tas-Sibt filgħodu!”

IRC Klassi 5 – Calypso Tegħleb l-Isfida tad-Daqs

Sebastian Ripard u Daniel Calascione kisbu r-rebħa fil-Klassi IRC 5 abbord Calypso, b’vantaġġ ta’ 7 minuti u 26 sekonda skont il-ħin korrett fuq il-jott Slovena Karpo ta’ Maks Vrečko. Il-jott Löwe Von Bremen ta’ Lasse Tim Seeger, mill-Ġermanja, temmet il-podju, 26 sekonda biss wara Karpo.

“Din is-sena diġà kkompetejna flimkien bħala ekwipaġġ, iżda kien sabiħ li llum ħriġna b’Calypso f’riħ tajjeb u stajna verament nittestjaw il-kapaċitajiet tagħha. Id-dgħajsa għadha kważi bl-istess konfigurazzjoni tas-sena li għaddiet, għalhekk kienet prova utli qabel it-tellieqa l-kbira,” qal Sebastian Ripard.

Din is-sena, ħu Sebastian, Tommy Ripard, se jingħaqad mal-ekwipaġġ ta’ Calypso għall-14-il parteċipazzjoni tiegħu fir-Rolex Middle Sea Race. Abbord se jkun hemm ukoll erba’ neputijiet ta’ John Ripard Snr, ko-fundatur u l-ewwel rebbieħ tar-Rolex Middle Sea Race, li ħalla din id-dinja matul dan is-sajf. Il-parteċipazzjoni tagħhom iżżid kapitlu ieħor fir-rabta twila tal-familja ma’ din it-tellieqa.

IRC Klassi 6 – Vivace Tispikka b’Rebħa Importanti

Vivace ta’ Andrew Agius Delicata u Matthew Gabriele rebħet il-Klassi IRC 6 b’vantaġġ ta’ 2 minuti u 41 sekonda skont il-ħin korrett fuq Red Ruby ta’ Christina Wolfe, kompetitriċi ferm b’saħħitha. Din kienet rebħa sinifikanti għat-tim Malti.

Bongani ta’ Ruaridh Plummer mir-Renju Unit, li kkompetiet ma’ LSS Ocean Racing, temmet il-podju, madwar 23 minuta u 17-il sekonda wara.

Agius Delicata kkummenta: “X’tellieqa kostali divertenti u veloċi! L-ekwipaġġ ta kollox mill-bidu sat-tmiem, żamm lil Vivace miexja b’veloċità għolja u ħa d-deċiżjonijiet tattiċi t-tajba f’kull mument. L-atmosfera abbord kienet mill-aqwa, il-ħidma flimkien kienet impekkabbli u bqajna niġġieldu sal-linja tat-tmiem. Il-fatt li spiċċajna quddiem Red Ruby għamel dan ir-riżultat aktar sodisfaċenti.”

Żewġ minuti u 16-il sekonda biss bogħod mill-podju kien hemm it-tim Malti ta’ baħħara żgħażagħ abbord il-J/109 JYS Jan, immexxi minn Gary Mercieca u li jirrappreżenta lill-Jarhead Young Sailors Foundation. Il-baħħara żgħażagħ temmew fir-raba’ post fi klassi kompetittiva ta’ 12-il dgħajsa.

Gary Mercieca kkummenta: “Bħal kull sena, qed inħares ’il quddiem b’entużjażmu lejn ir-Rolex Middle Sea Race. Din id-darba għandna tim ġdid ta’ baħħara żgħażagħ, bl-iżgħar membru għandu biss 14-il sena. Għalkemm aħna ekwipaġġ żagħżugħ, inpattu għan-nuqqas ta’ esperjenza billi nqattgħu kemm jista’ jkun ħin flimkien fuq il-baħar. Din il-preparazzjoni hija importanti ħafna, għaliex tagħti lill-baħħara iżgħar l-esperjenza u l-kunfidenza li għandhom bżonn biex jaffaċċjaw tellieqa daqstant impenjattiva.”

L-Attenzjoni Issa Ddur lejn is-Sibt

Bit-tmiem tal-Yachting Malta Coastal Race, l-attenzjoni issa ddur lejn is-47 edizzjoni tar-Rolex Middle Sea Race, li se tibda fil-11:00 ta’ filgħodu nhar is-Sibt 17 ta’ Ottubru mill-Port il-Kbir ta’ Malta.

It-tellieqa ta’ 606 mili nawtiċi madwar Sqallija se tieħu lill-flotta minn uħud mill-aktar ilmijiet impenjattivi tal-Mediterran, fost pajsaġġi spettakolari, mill-Istrett ta’ Messina u l-gżira vulkanika ta’ Stromboli sal-inħawi esposti fil-Punent u fin-Nofsinhar ta’ Sqallija.

Filwaqt li l-kundizzjonijiet imqallba tal-Erbgħa offrew test eċċitanti, ir-Rolex Middle Sea Race tippreżenta sfida kompletament differenti. Matul il-jiem li ġejjin, l-ekwipaġġi se jagħmlu l-aħħar preparazzjonijiet tagħhom, jistudjaw it-tbassir tat-temp li qed jiżviluppa u jikkunsidraw l-isfidi tattiċi li hemm quddiemhom.

Għal xi wħud, il-Yachting Malta Coastal Race serviet biex issaħħaħ il-fiduċja tagħhom; għal oħrajn, offriet tagħlimiet siewja. Nhar is-Sibt tibda l-avventura l-kbira.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here