Il-Prim Ministru Robert Abela żar lill-ħaddiema tal-Employee Support Programme (ESP), servizz li joffri appoġġ professjonali, psikoloġiku u emozzjonali bla ħlas lill-ħaddiema tal-Amministrazzjoni Pubblika.
Matul iż-żjara tħabbar li bejn l-2025 u l-2026 saru aktar minn 5,500 sessjoni ta’ appoġġ, filwaqt li sa mit-twaqqif ta’ dan is-servizz, b’kollox ibbenefikaw 4,188 persuna.
Matul iż-żjara, il-Prim Ministru ltaqa’ mal-professjonisti u l-ħaddiema li ta’ kuljum joffru dawn is-servizzi, fejn kellu wkoll l-opportunità jiddiskuti l-ħidma tagħhom u l-appoġġ li jingħata lill-ħaddiema li jkunu għaddejjin minn sfidi personali, emozzjonali jew relatati mal-post tax-xogħol.
Iċ-ċifri juru li matul l-2025, 464 persuna għamlu użu mis-servizzi tal-ESP, filwaqt li matul l-2026, sa Ottubru, 341 persuna oħra rrikorrew għal dan l-appoġġ. Dan is-servizz joffri għajnuna kunfidenzjali u bla ħlas, fosthom servizzi ta’ counselling, appoġġ psikoloġiku, assistenza lil ħaddiema li jkunu qed jirritornaw fuq il-post tax-xogħol u għajnuna f’sitwazzjonijiet trawmatiċi.
Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li l-investiment fil-ħaddiema ma jistax jieqaf biss mal-kundizzjonijiet tax-xogħol u t-titjib fis-salarji, iżda jrid jinkludi wkoll il-benesseri tagħhom.
“Meta nitkellmu dwar Servizz Pubbliku b’saħħtu, irridu nitkellmu qabel xejn dwar il-persuni li jagħtuh il-ħajja. Il-ħaddiema tagħna għandhom ikunu jafu li meta jiffaċċjaw diffikultà, kemm fuq il-post tax-xogħol kif ukoll fil-ħajja personali tagħhom, hemm min lest jisimgħuhom u jagħtihom l-għajnuna li jeħtieġu. Il-fatt li aktar minn 4,100 persuna diġà għamlu użu minn dan is-servizz juri kemm hu importanti li nibqgħu ninvestu f’dan l-appoġġ,” sostna l-Prim Ministru.
Intant, waqt iż-żjara tal-Prim Ministru ġie spjegat ukoll li l-inizjattiva People 360 qed tkompli tippromwovi ambjent tax-xogħol aktar pożittiv u inklussiv, b’enfasi fuq il-prevenzjoni, it-taħriġ u prattiċi li jqiegħdu lill-ħaddiema fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet. Dawn iż-żewġ inizjattivi jikkumplimentaw lil xulxin biex il-ħaddiema jingħataw l-għodod u l-appoġġ meħtieġ kemm fil-ħajja professjonali kif ukoll f’dik personali.
“Fl-aħħar snin għamilna passi importanti biex intejbu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema tas-Servizz Pubbliku, inkluż permezz ta’ ftehimiet kollettivi ġodda. Iżda l-kwalità tal-ħajja tfisser ukoll is-serħan il-moħħ u l-benesseri emozzjonali. Għalhekk se nkomplu nsaħħu servizzi bħal dawn, għaliex nemmnu li ħaddiem li jħossu appoġġjat huwa wkoll ħaddiem li jista’ jilħaq il-potenzjal tiegħu u jagħti l-aħjar servizz liċ-ċittadin,” qal il-Prim Ministru Robert Abela.
Fi tmiem iż-żjara, il-Prim Ministru rringrazzja lill-professjonisti u lill-ħaddiema tal-ESP għad-dedikazzjoni tagħhom, filwaqt li ħeġġeġ lill-ħaddiema kollha tal-Amministrazzjoni Pubblika biex jagħmlu użu mis-servizzi disponibbli kull meta jħossu l-bżonn.
Huwa tenna li Gvern li jagħti prijorità lill-kwalità tal-ħajja jrid ikompli jinvesti mhux biss f’servizzi pubbliċi aktar effiċjenti, iżda wkoll fil-benesseri tan-nies li jipprovduhom.
Preżenti mal-Prim Ministru waqt din iż-żjara kien hemm is-Segretarju Permanenti Ewlieni s-Sur Tony Sultana u s-Segretarju Permanenti fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru (People and Standards) Dr Joyce Cassar.

