L-Avukat Ġenerali akkużata li qed taħli l-ħin fil-kawża Vitals 

Aqra wkoll

Meta kompliet tinstema l-kawża quddiem il-Magistrat Lara Lanfranco fil-konfront ta’ numru ta’ persuni fosthom l-eks Prim Ministru Joseph Muscat b’rabta mal-konċessjoni tal-isptarijiet, l-avukat Vince Galea, li qed jidher għan-nom ta’ Dr Muscat, qal li  l-Avukat Ġenerali taf li Jeremy Harbinson, l-espert ewlieni fl-inkjesta Vitals ddikjara fi Frar tas-sena l-oħra li ma jridx jixhed u li ma jistax jixhed għaliex ċeda l-warrant tiegħu u allura jekk jixhed jinkrimina lilu nnifsu.

Qed jinkisru d-drittijiet

Staqsa x’inhu l-iskop tal-Avukat Ġenerali illi tibqa tinsisti fuq ix-xhieda ta’ Harbinson meta taf li dan mhux possibli li jsir. ‘Għaliex qed inkomplu ntawwlu dawn il-proċeduri?’ staqsa l-avukat Galea, li żied li jekk il-Qorti mhux se tkun iebsa mal-Avukat Ġenerali fid-dawl tal-fatt li qed jinkisru d-drittijiet tal-akkużati li għandhom ukoll sensiela ta’ freezing orders fuq rashom, hemm il-Qorti Kostituzzjonali u l-Konvenzjoni Ewropea. 

L-avukat Galea qal li l-Avukat Ġenerali qed titħalla tagħmel li trid. Appella lill-Avukat Ġenerali sabiex ma tkomplix tagħmel ħsara lill-gustizzja u saħaq li ma jistax ikun li l-Avukat Ġenerali tistenna li tkun il-Qorti li terfa piżijiet li jridu jintrefgħu min-naħa tagħha. Żied li qed inħallu lill-esperti barranin jgħaddu lis-sistema ġudizzjarja Maltija biż-żmien u fid-dawl ta’ dan talab lill-Maġistrat sabiex tkun iebsa mal-Avukat Ġenerali. F’mument minnhom l-eks Prim Ministru Joseph Muscat instema jgħid xebbajtuna.

Ħadd ma jrid jerfa r-responsabbiltà

L-avukat Edward Gatt qal li l-Qorti għandha tordna lill-Avukat Generali  sabiex tiġi hija personalment u qabel ma jinfetħu proċeduri fil-Qorti Kostituzzjonali, tispjega għaliex meta hija ffaċjata b’ċirkostanzi li kulħadd jaf x’inhuma, qed tibqa’ tippersisti fi triq li ma hija twassal imkien. Saħaq li l-affarijiet qed isiru b’dan il-mod għaliex l-akkuzati huma dawk li huma u kulħadd irid iwaddab taht it-tapit waqt li ħadd ma jrid jerfa’ r-responsabbiltà. 

Il-Professur Stefano Filletti qal li l-Avukat Ġenerali biss għandha kontroll fuq l-andament tal-proċeduri u sal-lum saru numru kbir ta’ seduti iżda m’hemm ebda xaqq ta’ tama li l-proċeduri jimxu ‘il quddiem. L-avukat Franco Debono staqsa lill-Magistrat Lanfranco jekk quddiem l-attitudni li ħa, l-Qorti għadix komda li Jeremy Harbinson kien ġie kkonfermat espert tagħha anki għal waqt il-kumpilazzjoni tal-provi. Saħaq li l-Avukat Generali trid tiehu azzjoni waqt li staqsa jekk ghandhiex tkun revokata din il-konferma.

Iktar dewmien

Fil-bidu tas-seduta l-Qorti kienet informata mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali li traduzzjoni li tlett xhur ilu kien hemm qbil li ssir ta’ xi dokumenti ma saritx għaliex it-traduttriċi qalet li ma setghetx tagħmel dan ix-xogħol iżda ma tatx raġuni. Meta sar magħruf li t-traduttriċi ma kinitx issejħet sabiex tidher quddiem il-Qorti u tispjega lilha nnifisha, l-avukati tad-Difiza ġibdu l-attenzjoni li t-traduttriċi kienet tinsab f’awla oħra fil-Qorti, bil-Magistrat Lanfranco tordna lill-Pulizija imorru jġibuha fl-awla tagħha. 

Meta waslet it-traduttriċi tat spjegazzjoni lill-Maġistrat li kellha ħafna xogħol ieħor u ma setgħetx tagħti garanzija li fi żmien qasir tlaħħaq mat-talba li saritilha. Il-Maġistrat qalet li kienet se taħtar persuna oħra biex tagħmel it-traduzzjoni bl-avukati tad-Difiża jirrimarkaw li mill-ġdid inħlew tlett xhur oħra.

Bla tweġiba dwar Harbinson

Il-Qorti kienet informata wkoll li fis-6 t’Awwissu kien sar kuntatt mill-kumpanija ANSEC mal-Maġistrat Gabriella Vella li kienet ħadet ħsieb l-inkjesta Vitals, dwar ammont kbir ta’ data li din il-kumpanija għad għandha b’rabta ma’ din l-inkjesta. ANSEC staqsiet sabiex tingħata gwida dwar x’se tagħmel b’din id-data. Kwazi xahar wara, fl-1 ta’ Settembru l-Maġistrat Vella għamlet digriet dwar din it-talba.

ANSEC infomat lill-Magistrat Vella illi biex tibqa’ żżomm din id-data fis-sistemi tagħha, se tibda titlob €1,700 kuljum u jekk iġġib din id-data f’Malta kienet se titlob eluf ta’ ewros li ma speċifikatx kemm, flimkien mal-ispejjeż tal-vjagg. L-avukat Galea qal li li trid tkun l-Avukat Ġenerali li tiddeċiedi x’se jsir, bl-avukati mill-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali wara ħafna hin fejn deheru indeċiżi, iwieġbu li huma m’għandhomx bżonn din id-data iżda ma jistgħux ikunu huma li jagħmlu kuntatt ma’ ANSEC jew ma’ xi impjegat tagħha. 

L-avukat Franco Debono rrimarka li qed issir diskussjoni dwar iktar esperti meta l-problema ta’ vera huma l-esperti Jeremy Harbinson li ma jrid jixhed b’xejn u ħadd ma jaf fejn huwa u Miroslava Milenovic li issa hemm ordni tal-Qorti sabiex jittieħdu pass kontra tagħha.

Fis-seduta,  l-Uffiċċju tal-Avukat Generali qal li kien hemm komunikazzjoni mal-awtoritajiet tar-Renju Unit dwar Jeremy Harbinson, iżda baqgħu ma rċivew ebda tweġiba. Mitluba jgħidu meta saret din il-komunikazzjoni, ma setgħux jagħtu data. Il-Magistrat Lara Lanfranco tablet biex fis-seduta li jmiss jitla’ jixhed xi ħadd mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali sabiex jagħti d-dettalji ta’ din il-korrispondenza.

Meta l-avukat tad-Difiza staqsew liema xhieda fadal jitressqu min-naħa tal-Avukat Generali, it-tweġiba kienet li fadal xhud wieħed biss – Jeremy Harbinson. 

Il-kawża ġiet differita għat-Tlieta l-1 ta’ Diċembru. 

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport