Wednesday, December 25, 2024

Elezzjoni bikrija fi Franza… eku tar-rebħa tal-lemin estrem

Aqra wkoll

F’deċiżjoni li xxukkjat lill-poplu Franċiż, il-President tal-pajjiż Emmanuel Macron sejjaħ elezzjoni parlamentari bikrija, wara li l-lemin estrem żied drastikament il-voti favur tiegħu fl-elezzjoni Ewropea fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet. L-elezzjoni parlamentari se ssir fit-30 ta’ Ġnju u s-7 ta’ Lulju iżda l-pożizzjoni ta’ Macron stess bħala president mhix f’riskju.

Il-partit tal-lemin estrem, r-Rally Nazzjonali immexxi minn Marine Le Pen kiseb aktar mid-doppju tal-voti tal-alleanza ċentrista immexxija minn Macron.
F’postijiet oħra fl-elezzjonijiet Ewropej, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen qalet li iċ-ċentru qed iżomm postu.

Iżda l-partiti tal-lemin estrem għamlu kisbiet fl-Italja, l-Awstrija u l-Ġrmanja, hekk kif 360 miljun votant eliġibbli għażlu 720 Membru ġdid tal-Parlament Ewropew (MEPs).

Fi Brussell, fis-summits tal-mexxejja tal-Unjoni Ewropea tal-imgħoddi, Emmanuel Macron ġieli ġie akkużat li pprova jisraq ix-xena. Huwa ċertament irnexxielu jagħmel dan il-Ħadd filgħaxija. Għalkemm probabbilment mhux bil-mod li kien xtaq.

Hekk kif il-voti għall-Parlament Ewropew kienu għadhom qed jingħaddu, il-President Macron iddomina l-aħbarijiet bid-deċiżjoni tiegħu li jxolji l-parlament nazzjonali ta’ Franza bħala riżultat tal-kisbiet tal-lemin estrem anki minkejja li r-riżultat li seħħ kien mistenni.

Din l-elezzjoni ġenerali bikrija, li ssir f’żewġ rawnds fit-30 ta’ Ġnju u s-7 ta’ Lulju, tista’ tirriżulta li Macron ikun kostrett li jaħdem flimkien ma’ Prim Ministru Franċiż mill-lemin estrem Ewroxettiku.

Marine Le Pen, regolarment murija bħala l-avversarju politiku numru wieħed tiegħu, iddikjarat nhar il-Ħadd li l-partit tagħha kien lest biex jiggverna. Ġra diġa fi Franza li l-president, li huwa l-aktar politiku b’saħħtu tal-pajjiż, u l-prim ministru, ġew minn partiti politiċi differenti.

Imma li kieku l-prim ministru l-ġdid kellu jiġi mill-lemin estrem, dik tkun l-ewwel waħda għal Franza. Marine Le Pen ħadmet ħafna f’dawn l-aħħar snin biex tipprova twessa’ u twassal l-appell tal-moviment politiku tagħha u ttaffi l-immaġni estremista tiegħu.

Hi u l-partitarji tagħha qed jittamaw li din ir-rebħa sinifikanti fil-livell tal-Unjoni Ewropea issarraf f’rebħiet kbar fl-elezzjoni bikrija fi Franza. Il-ħolma tagħha hi li dawk is-suċċessi mbagħad iwasslu lilha jew lil favorit immens tagħha, Jordan Bardella ta’ 28 sena, pass eqreb biex eventwalment issir President Franċiż xi ħaġa li ppruvat u naqset milli tikseb numru ta’ drabi qabel. Il-vot presidenzjali li jmiss fi Franza huwa skedat għall-2027.

Waqt dawn l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, il-lemin estrem u l-lemin nazzjonalista għamlu kisbiet f’ħafna partijiet tal-UE, bil-votanti inkwetati l-aktar dwar il-migrazzjoni, l-inflazzjoni u l-ispiża tar-riformi ambjentali.

Iżda jekk humiex se jkunu jistgħu jinfluwenzaw verament il-politika futura tal-UE mhuwiex ċar. Minkejja r-rebħiet tal-lemin estrem, il-maġġoranza tas-siġġijiet fil-parlament ewropew fejn il-liġijiet tal-blokk jiġu diskussi, modifikati, mgħoddija jew miċħuda, se jibqgħu f’idejn il-partiti ċentristi.

Biex jaffettwaw il-politika tal-UE, il-partiti tal-lemin minn madwar il-blokk se jkollhom jingħaqdu, biex ikollhom influwenza. U dik hija l-isfida. Għandhom prijoritajiet nazzjonali differenti u xi differenzi profondi, fosthom dwar kemm għandhom jappoġġjaw lill-Ukrajna kontra r-Russja.

Ekonomija

Sport