Monday, September 23, 2024

Elon Musk sorpriż kif ħadd ma pprova joqtol lil Biden jew lil Harris

Aqra wkoll

Ftit sigħat biss wara it-tieni attentat fuq il-ħajja ta’ Donald Trump nhar il-Ħadd li għadda fil-korsa tal-golf tiegħu fi Florida, Elon Musk, is-sid tal-kumpanija li timmanifattura l-karozzi Tesla kiteb fuq s-sit soċjali X li “ħadd ma qed jipprova joqtol lill-president Amerikan Joe Biden jew lill-viċi president Kamala Harris”

Is-Servizz Sigriet Amerikan stqarr li huwa konxju ta’ dan il-post fuq il-midja soċjali minn Elon Musk. Ftit tal-ħin wara Musk, li huwa wkoll sid is-sit soċjali X ħassar il-post u qal li dak li kiteb kienet biss ċajta.

Il-biljunarju Amerika huwa alleat mill-qrib ta Donald Trump li wiegħed li jingaġġa lil Elon Musk biex imexxi il-kummissjoni tal-effiċjenza tal-gvern jekk jirbaħ it-tieni mandat bħala President tal-Istati Uniti.

Bosta utenti ta’ X ikkritikaw il-kummenti ta’ Musk li ħafna minnhom kienu akkumpanjati b’emoji ta’ ħuġbejn mgħollija u b’uħud jallegaw li l-kumment ta’ Musk kien forma ta’ inċitament għal vjolenza kontra l-President u l-Viċi President tal-Istati Uniti.

F’reazzjoni, il-White House filwaqt li kkundannat il-post li ddeskrivietu bħala “retorika irresponsabbli ħafna” sostniet li l-vjolenza m’għandha tkun qatt imħeġġa la bis-serjeta u wisq inqas biċ-ċajt u żiedet tgħid li m’għandu jkun hemm l-ebda post għall-vjolenza politika jew għal xi forma oħra ta’ vjolenza.

Sadanittant, is-Servizz Sigriet Amerikan qal biss li huwa “konxju” tal-post ta’ Musk u li bħala kwistjoni ta ‘prattika ma jikkummentawx dwar kwistjonijiet li jinvolvu intelliġenza protettiva. Madankollu, is-Servizz Sigriet sostna  jinvestiga t-theddid kollu relatat mal-protezzjoni ta’ persuni. 

Wara li ħassar il-post li kiteb, Elon Musk fi tweet qal li lezzjoni waħda li tgħallem hija li sempliċement jekk jgħid xi ħaġa li biha jidħku n-nies ma jfissirx li dik tkun xi ħaġa divertenti.

Il-biljunarju kontroversjali tat-teknoloġija huwa meqjus bħala alleat mill-qrib ħafna ta’ Trump u approvah formalment wara l-attentat separat ta’ qtil kontra l-eks president waqt ir-rally fit-13 ta’ Lulju f’Butler, Pennsylvania.

F’dak l-attentat, is-suspettat spara rawnds multipli u laqat lil Trump fil-widna tal-lemin. Minn dakinhar ‘l hawn, Musk ta’ sikwit kiteb post jew xxandar messaġġi b’appoġġ għal Trump u kritiċi kemm għal Biden kif ukoll għal Harris.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport