Wednesday, July 24, 2024

Eluf jaraw lil Mourinho jiffirma ma’ Fenerbahce

Aqra wkoll

Eluf ta’ partitarji tal-club Tork tas-Super Lig, Fenerbahce, nhar il-Ħadd attendew fl-Istadium Sukru Saracoglu, f’Istanbul, biex jaraw iċ-ċerimonja tal-iffirmar tal-coach il-ġdid, il-Portugiż Jose Mourinho, li saret fuq palk enormi mibni fil-ground.

“Normalment il-coach ikun maħbub wara r-rebħ,” qal Mourinho, qabel ma r-rebbieħ darbtejn taċ-Champions League ffirma.

“F’dan il-każ inħoss li jien maħbub qabel ir-rebħ. Inħoss li din hija responsabbiltà kbira. Inwegħdkom minn dan il-mument, li jiena parti mill-familja tagħkom.”

Il-coach ta’ 61 sena ħa post Ismail Kartal, li ħalla lil Fenerbahce nhar il-Ġimgħa wara li temmew fit-tieni post wara r-rivali mill-is­tess belt, Galatasaray.

Mourinho ilu bla xogħol minn meta tkeċċa minn Roma, f’Jannar, wara żewġ staġuni u nofs fit-tmexxija. Id-dispożizzjoni tal-kuntratt il-ġdid għad iridu jiġu konfermati.

Mourinho huwa l-uniku manager li rebaħ iċ-Champions League, l-Europa League u l-Europa Conference League.

Huwa rebaħ 21 unur kbir matul il-karriera maniġerjali ta’ 24 sena li bdiet f’pajjiżu l-Portugall ma’ Benfica u nkludiet perjodi f’Porto, Chelsea, Inter, Manchester United u Tottenham, fejn ġie meħlus minn dmirijietu qabel il-finali tal-League Cup tal-2021.

L-aħħar biċċa tal-fidda ta’ Mourinho waslet ma’ Roma fl-2022, meta wassalhom għall-finali tal-Europa Conference League – l-ewwel trofew Ewropew tal-club – u għenhom jaslu sal-finali tal-Europa League fl-istaġun ta’ wara, fejn tilfu kontra Sevilla bil-penalties.

Ekonomija

Sport