Monday, April 28, 2025

Eluf ta’ persuni jżuru l-qabar ta’ Papa Franġisku

Aqra wkoll

Eluf ta’ persuni lbieraħ marru jżuru l-qabar tal-Papa Franġisku fil-Bażilika ta’ Santa Maria Maggiore, l-għada li sar il-funeral tiegħu fi Pjazza San Pietru, fil-Vatikan.

Ħafna dehru jroddu s-salib u jieħdu ritratti bil-mobiles tagħhom waqt li kienu għaddejjin minn ħdejn il-qabar, li fuqu kien hemm miktub “Franciscus”. 

Wieħed minn dawk li mar iżur dan il-qabar, Elias Caravalhal, tkellem mal-midja internazzjonali u qal li “għalija Papa Franġisku kien ta’ ispirazzjoni u gwida. Ġejt nirringrazzjah ta’ dak kollu li għamel.” 

Persuna oħra sostniet li għadha ma tistax temmen li Papa Franġisku m’għadux magħna. Ħafna oħrajn kienu anzjużi dwar min se jkun is-suċċessur tiegħu. 

Aktar minn 220 Kardinal se jkunu qegħdin jiltaqgħu l-Vatikan it-Tnejn filgħodu biex jiddeċiedu d-data li fiha se jibda l-Konklavi biex jiġi elett il-Papa li jmiss.

Huma biss il-Kardinali taħt l-età ta’ 80 sena – 135 b’kollox – li huma eleġibbli li jieħdu sehem fil-Konklavi, li se jibda bid-delibarazzjonijiet wara t-tlestija ta’ disat ijiem ta’ luttu uffiċjali għal Papa Franġisku. 

Jean-Claude Hollerich, kardinal mil-Lussemburgu, qal li jistenna li l-Konklavi jibda fi żmien ġurnata jew tnejn mit-tmiem tal-perjodu ta’ luttu. Kardinal ieħor Ġermaniż ġie kkwotat jgħid li l-Konklavi se jdum biss ftit jiem.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport