Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Luqa SAFC huwa l-klabb ta’ żgħożiti u tar-raħal tiegħi li tant inħobb. Meta kelli t-tifel, kien għad għandu ħames snin, bdejt nieħdu fin-nursery ta’ Ħal-Luqa. Kien evidenti li kellna ħafna nuqqasijiet fil-klabb dak iż-żmien u ma stajtx ma mmiddx idejja u ngħin. Niftakar li darba l-kowċ ta’ din il-‘’merħla’’ tfal kien se jiġġennen, tifel jgħidlu ‘’aqfilli l-lazz’’, ieħor jgħidlu ‘’kowċ, pipi’’, ieħor tiela’ max-xibka qisu xadina … u b’hekk bilfors kelli ngħin b’xi mod!
Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala president ta’ Luqa SA.
B’kollox ili 16-il sena naħdem fil-klabb. L-ewwel sitt snin fin-nursery u dawn l-aħħar għaxar snin fit-tim tal-kbar u tal-Under 21. Fil-bidu, ir-rwol tiegħi kien dak li tinbena fiduċja fil-klabb, u pressanti fuqna kien hemm il-bżonn ta’ grawnd ikbar minn dak li kellna. Illum xorta jonqosna grawnd 11-a-side. Peró, preżentement, qegħdin wisq impenjati bil-bini tal-‘club house’ ġdida u ‘padel court’ ieħor.
Wara għaxar snin president tal-klabb, il-fokus primarju tiegħi huwa dak li nagħmel lili nnifsi ‘’redundant’’, jiġifieri nassigura li meta nitlaq jien (għandi 58 sena), il-klabb jibqa’ għaddej.
X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul dan l-istaġun sa issa?
Ovvjament, ninsab kuntent hafna. Għandna ċans tajjeb li nerġghu lura fil-BOV Challenge League, imma kull logħba fiha l-istorja tagħha u għad baqa’.
X’inhuma t-tragwardi tagħkom għal dan l-istaġun?
Promozzjoni tat-tim tal-kbar fil-BOV Challenge League u promozzjoni tat-tim tal-Under 21 għal Section B.
Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?
L-iktar ħaġa li tinkwetani f’Malta hija l-‘birthrate’ medjokri li għandna, fejn l-istatistika turi li aħna l-agħar fl-Ewropa rigward dan. Din mhux biss taffetwa lill-futbol imma kull qasam tas-soċjetá Maltija.
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn tilagħbu l-logħob tagħkom?
Bħala Luqa SAFC, irridu naħdmu sabiex ikollna grawnd tat-taħriġ 11-a-side.
Għaddi messaġġ finali lill-partitarji kollha ta’ Luqa SA.
Kif jgħidu bl-Ingliż, ‘Believe’!