Emendajna l-Kostituzzjoni biex id-diżabilità tkun inkluża u protetta

Aqra wkoll

Nhar it-Tlieta li għadda l-Parlament b’vot unanimu vvota favur Abbozz ta’ Liġi li l-għanijiet u r-raġunijiet tiegħu huma sabiex tkun emendata l-Kostituzzjoni ta’ Malta biex tkun aċċertata l-protezzjoni ugwali skont id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwu garantiti mill-Kostituzzjoni ta’ Malta billi tiżdied fiha d-diżabilità bħala karatteristika protetta. Abbozz ta’ Liġi li b’sodisfazzjon ngħid li sab l-appoġġ tal-Kamra tad-Deputati kollha. Emendar li kien jeħtieġ mill-inqas żewġ terzi tal-voti tal-Kamra tad-Deputati.

Sal-jiem li għaddew il-Kostituzzjoni, il-liġi fundamentali tal-pajjiż, kienet għadha ma tispeċifikax li d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-bniedem għandhom jitgawdew minn kulħadd. L-emendi li ressaqna jistgħu jidhru sempliċi imma fil-fatt huma mill-iktar kritiċi minħabba l-messaġġ li qegħdin jgħaddu.

Rikonoxximent li l-eżistenza tal-persuni b’diżabilità hija fatt li finalment qiegħed jiġi rikonoxxut mill-Kostituzzjoni tagħna. Il-Kostituzzjoni tagħna  qed tirrikonoxxi li l-persuni b’diżabilità jeżistu. Huma nies daqs ħaddieħor u li d-drittijiet tagħhom mhumiex inqas minn dawk ta’ persuni oħra.

Dak li għaddejna mill-Parlament mhux mossa biex nagħtu d-dinjità lill-persuni b’diżabilità. Dik id-dinjità kienet hemm. Għadha hemm. U se tibqa’ dejjem tagħhom. Dan tiddikjarah il-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità. 

Wara kollox dan huwa sens komun.

Li għamilna huwa proċedura legali sabiex inroddu lura dak id-dritt lill-persuni b’diżabilità  billi nirrikonoxxu bl-iswed fuq l-abjad din ir-realtà fl-iktar dokument importanti fil-pajjiż, il-Kostituzzjoni. Emendajna l-Kostituzzjoni billi żidna d-diżabilità bħala karatteristika protetta fir-rigward tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali garantiti mill-Kostituzzjoni.

Nemmen li l-aktar emenda importanti li ressaqna f’dan ir-rigward hija dik li permezz tagħha ddikjarajna li l-persuni b’diżabilità għandhom il-protezzjoni tal-Kostituzzjoni ta’ Malta mid-diskriminazzjoni abbażi tad-diżabilità. Irbatna d-definizzjoni tal-kelma ‘diżabilità’ mad-definizzjoni li tinsab fl-Att dwar il-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità. Att li għadda mill-Parlament tagħna b’mod unanimu fis-sena 2021 fuq proposta varata mill-Ministeru tagħna. 

L-ispazju ma jippermettix biex nispjega t-teknikalitajiet tal-emendi li ressaqna u li kisbu l-approvazzjoni tal-Kamra. Għamilt dan b’mod dettaljat fid-diskussjoni Parlamentari tat-Tlieta li għadda. Iżda rrid ngħid li r-raġuni prinċipali li għaliha kien hemm il-ħtieġa li tkun emendata l-Kostituzzjoni hija biex finalment ikun hemm dikjarazzjoni mill-Istat. Dikjarazzjoni fil-Kostituzzjoni li finalment qed tirrikonoxxi d-dritt tal-persuni b’diżabilità li jkunu stmati daqs u bħal ħaddieħor. Qegħdin nagħmlu dan 52 sena wara li ġiet adottata l-Kostituzzjoni tar-Repubblika ta’ Malta.

Dan huwa kollu minnu imma ċertament li ma jistax jingħad li minkejja dik li sal-ġimgħa l-oħra kienet lakuna fil-Kostituzzjoni tagħna kien hemm xi żmien fejn il-persuna b’diżabilità tħalliet taqdef għal rasha kontra kull kurrent. Kienet x’kienet l-amministrazzjoni tal-pajjiż, dejjem kienet offruta spalla lill-persuna b’diżabilità. Bl-ebda mod ma nixtieq inkun interpretata bħala li qed inkun partiġġjana imma żgur li qatt ma kien hemm żmien bħal dawn l-aħħar 13-il sena fejn il-persuni b’diżabilità ingħataw kull għajnuna possibbli biex mhux biss ma jaqgħux lura imma lanqas iħossuhom f’dan il-periklu.

Il-benefiċċji li ħloqna, l-opportunitajiet li tajna u qegħdin nagħtu lejn għajxien kemm jista’ jkun indipendenti lil persuni b’diżabilità anke jekk b’għajnuna, il-bibien li ftaħna  biex il-persuna b’diżabilità tidħol fid-dinja tax-xogħol u tikkontribwixxi għall-għajxien tagħha nnifisha huma biss parti minn dan l-avvanz.

B’li għamilna fil-Parlament fil-jiem li għaddew irrikonoxxejna u rrimedjajna nuqqas kostituzzjonali fir-rigward tal-persuni b’diżabilità. Għal dan irrid nirringrazzja lil kull min ta l-kontribut tiegħu, inkluż lill-Oppożizzjoni, biex għalaqna b’suċċess kapitlu ieħor fil-qasam tal-persuni b’diżabilità.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport