L-ispejjeż loġistiċi taħt pressjoni… tariffi tat-trasport se jibqgħu jiżdiedu …nuqqas ta’ xufiera, nuqqas ta trakkijiet u spejjeż addizzjonali fl-Ewropa

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Is-sitwazzjoni fl-Ewropa fejn jidħol it-trasport bl-art u l-loġistika, qiegħed jaffettwa b’mod negattiv it-trasport u l-loġistika f’pajjiżna. Il-mod kif qegħdin jiżdiedu t-tariffi u l-mod kif żdiedu ċertu spejjeż qegħdin iwasslu għal aktar spejjeż għal operaturi Maltin. Apparti dan, nuqqas ta’ trakkijiet u nuqqas ta’ xufiera qegħdin iwasslu għal żieda fl-ispiża.

IT-TORĊA tkellmet maċ-Ċermen tal-Assoċjazzjoni tal-Operatri tat-Trakkijiet u Treilers (ATTO), Joseph Bugeja.

Mistoqsi dwar il-probelma ta’ nuqqas ta’ trakkijiet u xufieri, Joseph Buġeja, iddikjara li “iva, din hija realtà li qed tinħass sew fis-settur. Il-prezzijiet tas-servizzi tat-trasport internazzjonali bit-trailers qegħdin jiżdiedu mhux biss minħabba nuqqas ta’ kapaċità ta’ trakkijiet u nuqqas ta’ xufiera, iżda wkoll minħabba żieda f’diversi spejjeż oħra. Fost dawn hemm l-ispejjeż relatati mal-ETS imposti mill-Unjoni Ewropea, is-soprataxxi fuq il-fjuwil, kif ukoll il-BAF (Bunker Adjustment Factor) li jirrifletti ż-żidiet fil-prezzijiet tal-fjuwil marittimu, fost oħrajn minħabba t-tensjonijiet internazzjonali bħall-kunflitt fl-Iran u s-sitwazzjoni fl-Istrett ta’ Hormuż.”

Qegħdin jiżdiedu anke t-tariffi tal-portijiet

Dwar il-pressjoni fuq is-settur tal-loġistika u dak tat-trasport bl-art, iċ-Ċermen Joseph Bugeja, iddikjara ma’ IT-TORĊA li “minbarra n-nuqqas ta’ trakkijiet u xufiera, qed naraw żieda konsiderevoli f’diversi elementi oħra tal-ispiża. Dawn jinkludu żidiet fil-ħlasijiet tal-portijiet, żieda fil-prezzijiet tal-fjuwil mid-distributuri madwar l-Ewropa, kif ukoll żidiet fil-pagi minħabba n-nuqqas ta’ xufiera disponibbli. Dawn il-fatturi kollha qed ipoġġu pressjoni akbar fuq l-ispejjeż operattivi tagħna.”

Il-provvisti f’Malta jkunu affettwati f’dawk li huma prezzijiet

Dwar x’effett jista’ jkun hemm fuq provvisti f’pajjiżna, Joseph Bugeja jgħid li “mhemmx dubju li l-prezzijiet qegħdin jiġu affettwati. In-nuqqas ta’ trakkijiet u trailers huwa wieħed mill-fatturi ewlenin li qed jimbotta l-prezzijiet ’il fuq. Dan in-nuqqas huwa aggravat ukoll minn ċerti regolamenti burokratiċi Ewropej, bħar-regoli tal-cabotage, li kultant iwaslu biex l-operaturi jkollhom jagħmlu aktar kilometri b’trailers vojta biex jevitaw ksur tar-regolamenti. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ xufiera fuq livell internazzjonali huwa wieħed mill-akbar sfidi li qed jiffaċċja s-settur. L-impatti fuq il-katina tal-provvista mhiex se tkun ta’ nuqqas iżda aktar fuq il-prezzijiet. F’Malta, il-problema hija aggravata wkoll minn nuqqasijiet infrastrutturali, fosthom limitazzjonijiet fil-portijiet, nuqqas ta’ spazji adegwati għall-parkeġġ tat-trakkijiet u nuqqas ta’ attenzjoni suffiċjenti lejn il-ħtiġijiet tas-settur mit-tmexxija lokali.”

Joseph Bugeja jitkellem dwar trasport b’temperatura ikkontrollata u qal li “t-trasport ta’ merkanzija li teħtieġ temperatura kkontrollata għandu spejjeż operattivi ferm ogħla. L-operaturi internazzjonali tat-trailers iridu jagħmlu investimenti kbar f’tagħmir speċjalizzat, filwaqt li jiffaċċjaw spejjeż għoljin ta’ manutenzjoni, enerġija u tħaddim. Kull żieda fl-ispejjeż tal-fjuwil u tal-operat għandha impatt dirett fuq dan it-tip ta’ servizz.”

Kemm jistgħu jogħlew it-tariffi tat-trasport għax-xhur li ġejjin?

Nistaqsuh kif qiegħed jiġi indikat li minħabba li l-prezzijiet tal-fjuwil qegħdin ikomplu jogħlew, it-tariffi se jkomplu jogħlew u allura xi previżjoni hemm ta’ kemm jistgħu jogħlew il-prezzijiet għat-trasport fix-xhur li ġejjin.

Iċ-Ċermen tal-ATTO jgħidilna li “hu diffiċli li wieħed jagħti ċifra eżatta, peress li dan jiddependi minn diversi fatturi internazzjonali u ekonomiċi. Madankollu, huwa ċar li l-ispejjeż loġistiċi se jkomplu jkunu taħt pressjoni u li t-tariffi tat-trasport se jibqgħu jiżdiedu. Sakemm jibqgħu jogħlew il-prezzijiet tal-fjuwil, l-ispejjeż regolatorji u l-isfidi relatati man-nuqqas ta’ riżorsi fis-settur, huwa mistenni li l-prezzijiet ikomplu jirriflettu dawn iż-żidiet.”

Analisti li tkellmu ma’ IT-TORĊA sostnew li “r-rati tat-trasport komplew jiżdiedu f’Mejju u Ġunju, mhux għax id-domanda għat-trasport tal-merkanzija qed tiżdied, iżda għax hemm inqas trakkijiet u sewwieqa disponibbli.  Filwaqt li l-volumi tat-trakkijiet kompluti naqsu minn xahar għal xahar fit-trasport tal-merkanzija bil-vannijiet, refriġerati, u b’pjattaforma, ir-rati  żdiedu fit-tliet segmenti kollha.

Ir-rati tal-vannijiet żdiedu b’22 ċent kull mil f’Mejju, filwaqt li r-rati tar-reefers żdiedu b’24 ċent”

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport