Il-pulizija għandhom rwol essenzjali fis-soċjetà tagħna. Huma jkunu fuq quddiem nett biex iħarsu s-sigurtà taċ-ċittadini, iżommu l-ordni pubbliku u jinfurzaw il-liġi b’mod ġust u imparzjali. Ta’ kjuljum uffiċjali tal-Pulizija joħorġu jaqdu dmirijiethom, ħafna drabi f’ċirkostanzi diffiċli u perikolużi, bil-għan li jipproteġu l-ħajja u l-proprjetà ta’ kulħadd.
Għalhekk huwa importanti li kull wieħed u waħda minnha ikollu rispett lejn il-Korp tal-Pulizija u lejn l-uffiċjali tiegħu. Meta pulizija jkun qed iwettaq dmiru, ikun qed jagħmel dan f’isem il-liġi u għall-ġid tas-soċjetà kollha. Dan ma jfissirx li l-ħidma tal-Pulizija ma tistax tiġi skrutinizzata jew ikkritikata meta jkun hemm lok għal dan, iżda dan għandu dejjem isir b’mod paċifiku, responsabbli u permezz tal-proċeduri stabbiliti.
Quddiem dan kollu nsemmu l-każ li seħħ il-Ġimgħa f’San Ġiljan, fejn żewġ uffiċjali tal-Pulizija sfortunattament sfaw midruba waqt li kienu qed jaqdu dmirijiethom. Nisħqu fuq il-fatt li attakki fuq il-Pulizija huma inaċċettabbli.
Kull forma ta’ aggressjoni, kemm fiżika kif ukoll dik verbali, mhux biss tqiegħed fil-periklu s-saħħa u s-sigurtà tal-uffiċjali, iżda tnaqqas ukoll ir-rispett lejn l-istituzzjonijiet li għandhom il-missjoni li jħarsu l-ordni u s-sigurtà pubblika. Meta Pulizija jiġi attakkat waqt li jkun qed iwettaq xogħlu, tkun qed tiġi attakkata wkoll l-awtorità tal-liġi.
F’Malta, il-membri tal-Korp tal-Pulizija jaħdmu lejl u nhar biex jirrispondu għal emerġenzi, jinvestigaw reati, jikkontrollaw it-traffiku, jieħdu ħsieb avvenimenti pubbliċi u jagħtu assistenza lil min ikun fil-bżonn. Din hija responsabbiltà kbira li titlob dedikazzjoni, dixxiplina u kuraġġ.
Huwa għalhekk li bħala soċjetà għandna nkomplu nrawwmu kultura ta’ rispett, kooperazzjoni u fiduċja lejn il-Pulizija. Kull ċittadin għandu d-dritt li jesprimi l-opinjonijiet tiegħu, iżda qatt m’għandu jirrikorri għall-vjolenza. Id-djalogu, ir-rispett reċiproku huma l-pedamenti ta’ pajjiż demokratiku u sigur.
Meta nuru rispett lejn il-Pulizija, inkunu qed nuru rispett lejn il-liġi, lejn l-istituzzjonijiet tagħna u lejn il-valuri li jżommu lis-soċjetà magħquda. Fl-istess ħin, huwa importanti li kulħadd, inklużi l-awtoritajiet u l-forzi tal-ordni ikompli jaġixxi b’professjonalità, integrità u rispett lejn id-drittijiet ta’ kull persuna. B’dan il-mod nistgħu nibnu klima ta’ fiduċja u sigurtà li tkun ta’ ġid għal kulħadd.
